Internazzjonali

Covid-19: L-ebda ħtieġa għall-vaċċini speċifiċi kontra l-Omicron….Tkompli l-pressjoni għall-Gvern tar-Renju Unit dwar il-ksur tar-regoli tal-lockdown

Fil-preżent mhemmx il-ħtieġa għall-vaċċini l-ġodda kontra l-varjant Omicron tal-Covid-19. Dan peress li t-tilqim tal-booster qed jirrendi riżultati sodisfaċenti u protezzjoni tajba kontra l-effetti tal-coronavirus u l-aħħar varjanti.

Dan ifisser li, għalissa, mhumiex meħtieġa l-vaċċini li ‘jaħdmu speċifikament kontra l-Omicron’, b’dan qed jgħidu Anthony Fauci, immunoloġista u l-konsulent ewlieni dwar il-mikrobioloġija u l-mard li jittieħed mal-Presidenza tal-Istati Uniti.

Fauci, fil-preżent, qed jagħti l-pariri relatati mal-pandemija lill-President Amerikan Joe Biden u fl-aħħar sigħat hu tkellem dwar l-effetti tal-Omicron u l-programmi għall-protezzjoni kontra l-virus waqt video-link mal-Università La Sapienza ta’ Ruma.

Sadanittant, Fauci tenna li t-tilqima tal-booster tnaqqas bi 80 fil-mija il-possibbiltà li persuna infettata bil-Covid tispiċċa l-isptar għal trattament.

L-aħħar rapporti mill-Italja qalu li l-inċidenza tal-Covid-19 żdiedet mill-ġdid fl-artijiet tagħha matul il-ġimgħa bejn is-7 u t-13 ta’ Jannar. Iż-żieda kienet ekwivalenti għal 1,988 każ għal kull 100,000 abitant tal-pajjiż, skont ir-rapport ta’ kull ġimgħa li jagħti stampa dwar is-sitwazzjonijiet tal-Covid fl-Italja.

Sadanittant, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku mill-ġdid jinsab taħt skrutinju fost rapporti li l-membri tal-istaff ta’ 10 Downing Street (Londra) kienu organizzaw żewġ festini matul il-lejl qabel il-funeral tal-Prinċep Philip tal-Ingilterra. Dan fi żmien meta r-restrizzjonijiet għall-Covid fl-Ingilterra kienu jipprojbixxu ‘it-taħlit tan-nies fuq ġewwa’.

L-avvenimenti, li kienu rappurtati għall-ewwel darba minn The Telegraph, seħħew fis-16 ta’ April li għadda – u meta magħruf li l-festini inkwistjoni kienu damu għaddejjin sa tard bil-lejl.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, ma kien preżenti għall-ebda festin, iżda l-avvenimenti komplew iqajjmu dubji dwar ‘id-dispożizzjoni għall-ksur tar-regoli’ fl-Uffiċċju ta’ Downing Street.

Sadanittant,Boris Johnson għadu qed jiffaċċja s-sejħet tal-Oppożizzjoni u ta’ xi membri tal-Partit Konservattiv ( tiegħu) fil-Gvern biex iwarrab minn Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, Johnson qed iħeġġeġ biex id-deputati fil-House of Commons jistennew ir-riżultat ta’ investigazzjoni dwar l-allegat abbuż tar-regoli relatati mal-lockdown fil-bini tal-Gvern. L-investigazzjoni qed titmexxa minn Sue Gray, uffiċjal għoli maċ-ċivil, bir-riżultati mistennija jingħataw f’xi żmien, il-ġimgħa d-dieħla.

Is-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, qalet li tinsab imħassba ferm dwar l-aħħar rivelazzjonijiet u sostniet li qed tifhem ‘għalfejn in-nies hemm barra huma daqstant irrabjati dwar dak li qed jisimgħu.’ U filwaqt li Truss insistiet ukoll li ċ-ċittadini għandhom jistennew ir-riżultat tal-inkjesta,  iżda qalet ukoll li ‘mhemmx dubju li, f’dan il-każ, kienu saru l-iżbalji serji minn xi persuni b’karigi ta’ responsabbiltà’.

Fl-aħħar ħinijiet, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talab skuża lir-Reġina Eliżabetta fir-rigward tal-festini li kienu saru qabel il-funeral ta’ żewġha, il-Prinċep Philip.