Lokali

“Għall-PN, dak li għamel il-Gvern fl-AirMalta mhux aċċettabbli”

“Għall-Partit Nazzjonalista, is-sitwazzjoni fl-Air Malta mhux aċċettabbli. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jissaħħaħ bil-konsultazzjoni propja mal-istakeholders kollha, ħaddiema u unions, biex Gvern ġdid Nazzjonalista jkun jista’ serjament bi kredibilta mal-Ewropa jagħmel l-affarijiet kif suppost u mhux kif tħallew fl-aħħar snin minn Gvern Laburista.” – Kienet din id-dikjarazzjoni ċara li għamel il-Partit Nazzjonalista wara l-aħbar li nofs il-ħaddiema tal-Air Malta se jitkeċċew u wara li l-Ministru Clyde Caruana qabbel il-linja nazzjonali tagħna ma’ fireplace li jaħraq il-flus.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN, fl-intervent tiegħu, il-Viċi Kap tal-PN, Robert Arrigo fakkar kif f’9 snin, il-Gvern Laburista kellu ħames Ministri differenti li kellhom taħt idejhom l-Air Malta u li ħolqu konfużjoni sħiħa, kif wara kollox ikkonferma Clyde Caruana meta tkellem dwar il-problemi serji tal-linja nazzjonali. Hu staqsa “Għafejn l-industrija sħiħa, l-istakeholders kollha u l-ħaddiem, għandhom iħallsu għall-inkompetenza ta’ 9 snin ta’ Gvern Laburista?” Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Robert Arrigo spjega kif madwar sena ilu, il-PN kien diġa ħareġ bi pjan bl-isem 2+8 li fih kien jinkludi viżjoni ċara għall-Air Malta.

Il-Kelliem tal-PN għall-Finanzi, Mario DeMarco fakkar kif il-Kummissjoni Ewropea, kienet diġa approvat pjan li jindirizza b’mod għaqli l-problemi finanzjarji tal-linja tal-ajru tagħna.. fondi li kellhom iwasslu biex l-Air Malta terġa’ tibda tiffunzjoni. Mario DeMarco fakkar kif il-Ministru Clyde Caruana qal li l-Kummissjoni Ewropea tilfet kull fiducja fil-Gvern u li fi ftit kliem, qalet li l-Partit Laburista mhux kredibli ghax ma żammx mal-pjan tal-istrutturar approvat fl-2012.

Fakkar li Konrad Mizzi kien responsabbli mill-AirMalta u kien qalilna li l-Air Malta qed taghmel il-flus.. imma llum sirna nafu li qed titlef €170,000 kuljum u sirna nafu li nofs il-ħaddiema tal-Air Malta se jitilfu posthom u nofs ir-rottot se jieqfu mingħajr ma qalilna jekk dan il-pjan hux approvat mill-Kummissjoni. “Għandna Gvern li għamel mill-Air Malta ballun politku fejn berbaq il-flus tal-linja nazzjonali tagħna. Ninsabu fejn qegħdin minħabba nuqqas ta’ amministrazzjoni għaqlija tal-Gvern Laburista. Ta’ dan se jħallsu l-ħaddiema tal-Air Malta, l-industrija tat-turiżmu. Għal dan se tħallas int. Għalina dan mhux aċċettabbli.”

Minn naħa tiegħu, il-Kandidat Ivan Castillo saħaq li llum nafu li l-wegħdi tal-Gvern Laburista kienu gideb u propoganda vojta u stqarr li n-nuqqasijiet tal-Ministri, illum il-gurnata qed ihallas għalihom il-haddiem. Hu semma’ kif “Ħafna nies bnew karriera ta’ ħafna snin u ħafna sagrifiċċji biex issa wasslu biex il-Gvern jiddeċiedi li jneħħihom minħabba l-iżbalji li għamel il-Gvern stess bil-Ministri tiegħu.” Ivan Castillo fakkar kif fl-Air Malta hemm nies tal-qalba li qed jiffangaw fosthom il-preżentatur ta’ One, Karl Stagno Navarra. Hu appella li ssir ġustizzja, bi proċess ġust, mil-mod kif se jintgħazlu mal-Gvern in-nies li tkeċċew mill-Air Malta.