Lokali Qorti

Ġirien jingħataw kumpens ta’ €2,000 minħabba inbiħ kontinwu tal-klieb

Ġirien Slimiżi ta’ raġel li jrabbi l-klieb ingħataw kumpens ta’ €2,000 minħabba inkonvenjent li kienu ilhom isofru minħabba l-inbiħ kontinwu tagħhom. Fl-2013 li Carmel u Ruth Bonello fetħu l-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Anthony Bonett.

Fit-talbiet li għamlet il-koppja saħqet li mhux biss Bonett ineħħi l-klieb imma jingħataw  kumpens adekwat għad-dannu li kkaġunalhom. Huma jgħixu bieb ma’ bieb fi Triq Sant’Elena. Il-koppja qalet li  Bonett kien qed iħalli l-erbat iklieb jiġru mad-dar u li dawn kienu jinbħu lejl u nhar. Bejn l-2011 u l-2012 il-koppja għamlet tliet rapporti fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema qabel ma ddeċidiet li tiftaħ il-kawża.

Fis-sena 2014,, sena wara li bdew il-proċeduri fil-Qorti , Bonett neħħa l-klieb. Minkejja dan, l-Imħallef Joseph R. Micallef ikkonkluda li ġie ppruvat li l-inbiħ tal-klieb ħoloq ansjetà fil-koppja. Kien għalhekk li ordna lil Bonett biex jagħtiha l-kumpens ta’ €2,000.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li Bonett kien ilu bin-namra tat-trobbija tal-annimali f’daru bosta snin qabel mal-koppja marru joqogħdu fil-post tagħhom. Imma, fil-fehma tagħha, qalet li din iċ-ċirkostanza ma xxejjinx l-elementi tal-inkonvenjent u ta’ molestja li l-atturi kellhom iġarrbu.

Il-Qorti qieset ukoll li, fl-inħawi, kien hemm familji oħrajn li jrabbu u jżommu klieb, imma ntwera li dawn joqogħdu l’bogħod aktar minn fejn joqgħod Bonett.