Il-miżuri li tħabbru lbieraħ mill-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne huma daqqa ta’ ħarta għas-settur tal-ospitalità.
Dan qalitu fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA wara l-miżuri ġodda li tħabbru b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19. Dan hekk kif dawn iwasslu għal anomaliji fir-regoli applikabbli għal setturi ekonomiċi differenti.
L-MHRA qalet li l-2020 u l-2021 kienu sentejn ta’ taqtigħ il-qalb u t-tibdil fis-settur tal-ospitalità ħoloq diffikultajiet inkonċepibbli kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati. Huma talbu raġuni xjentifika għaliex ċertu miżuri ttieħdu biss fis-settur tal-ospitalità.
Huma komplew jgħidu li dawn il-miżuri qed jiddiskriminaw bejn il-Maltin u t-turisti minħabba li l-perjodu ta’ vadilità hu ferm inqas minn pajjiżi oħra.
L-MHRA saħqet li l-Gvern b’mod ċar qed iwassal il-messaġġ li ma japprezzax l-isfidi li s-settur qed jaffaċja ta’ kuljum quddiem il-pandemija, fosthom nuqqas ta’ impjegati li ta’ kuljum ma jistawx imorru x-xogħol jew għax jinqabdu kwarantina jew għax ikunu pożittivi.
//= $special ?>