Ekonomija Lokali Saħħa

Inti ħadt €1.75 żieda u l-ħabiba tal-Ministru jtiha paga ta’ €13,000 fix-xahar

Il-President ta’ Malta għandu paga ta’ €66,000, il-Prim Ministru għandu paga ta’ €60,000 u l-ħabiba ta’ Chris Fearne għandha paga ta’ €163,000. Carmen Ciantar għandha paga ta’ €13,000 fix-xahar, ekwivalenti għal paga ta’ 8 nurses jew paga ta’ 8 teachers. Din il-paga ingħatat lilha minn Chris Fearna u għalhekk il-fiduċja tal-poplu Malti fil-Ministru Fearne issa tfarrket.

“Filwaqt li inti qed tieħu €1.75, għandna xi ħadd fil-pajjiż li qed jieħu €13,000 fix-xahar. Erġajna għandna persuna b’kuntratt ta’ €163K fis-sena, kuntratt li jammonta għal total ta’ €700,000. It-tberbieq tal-miljuni hija l-ħobza ta’ kuljum tal-Gvern Laburista.” – Kien dan il-messaġġ tal-Viċi Kap tal-PN David Agius f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kandidati Paula Mifsud Bonnici u Alessia Psaila Zammit. Messaġġ li wasal fid-dawl tal-istorja żvelata dwar il-paga bombastika li l-Ministru Chris Fearne ta’ lil Carmen Ciantar.

David Agius stqarr li “konna naħsbu li Chris Fearne kien differenti u mhux bħal politiċi Laburisti l-oħrajn, imma llum jinsab fi skandlu ta’ kuntratt li ta lill-campaign manager tiegħu li mhux biss qed tmexxi il-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi imma hija wkoll iċ-Chief of staff ta’ Fearne. Il-Viċi Kap tal-PN fakkar kif il-persuna li okkupat l-istess kariga qabel Carmen Ciantar, kellha paga ta’ madwar €80,000 u għalhekk Fearne qed jagħti lil Ciantar id-doppju ta’ dan, paga li inċidentalment hija l-istess kif kienet tieħu l-mara ta’ Konrad Mizzi, Sai Mizzi.

Minn naħa tagħha, il-kandidat Paula Mifsud Bonnici fakkret kif filwaqt li għandna Gvern Laburista li qed iberbaq flus il-poplu, Gvern ġdid Nazzjonailista se jassigura li mill-ġid li jinħoloq, igawdi l-poplu Malti u Ghawdxi kollu. “Gvern għaqli għandu jibża’ għal flus il-poplu biex igawdu l-ħaddiema, l-familji, l-anzjani u l-frontliners. Il-PN qed iwiegħed li Gvern ġdid tal-PN se juża’ flus il-poplu bl-iktar mod għaqli u responsabbli. Il-PN se jnaqqas it-taxxi u l-VAT għar-ristoranti fost l-oħrajn. Gvern Nazzjonalista ġdid se jagħti l-flus lura li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl.” Paula Mifsud Bonnici appellat biex il-Gvern jaqbad it-triq ta’ sostenibiltà finanzjarja għaliex għada pit għada l-poplu Malti se jkollu jħallas għal dan it-tberbieq tal-Labour.

Il-Kandidat Alessia Psaila Zammit, minn naħa tagħha spjegat kif il-Prim Ministru qed jibqa’ ma jieħu ebda azzjoni anke meta l-fondi li qed jitberbqu jistgħu jintużaw f’setturi importanti bħas-saħħa u l-edukazzjoni. “M’għandniex serħan il-moħħ li l-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha qegħdin fiċ-ċentru tal-politka tal-Gvern. Qed nibdew naraw riżultati ta’ nuqqas ta’ viżjoni li kellu dan il-Gvern meta beda. Kultura ta’ xejn m’hu xejn.” Huwa għalhekk il-PN irid jibqa’ jkun il-vuċi li jassigura li titwettaq politka li tkun iffukata fuq il-viżjoni tal-ġenerazzjoni ta’ warajna. L-ekonomija se tbagħti l-konsegwenzi jekk jibqa’ jsir dan it-tberbieq.

Il-PN appella lill-poplu Malti biex ihares lejn u jafda lill-politiċi li verament ituna s-serħan tal-moħħ u mhux lil min iberbaq il-fondi pubbliċi f’tal-qalba.

Ikkummenta