Lokali

Is-Segretarju Permanenti tas-Saħħa jibqa’ ma jweġibx min ressaq l-isem ta’ Carmen Ciantar

Wara li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa Joe Rapa qalilna li hu ma kellu x’jaqsam xejn mal-ħatra tal-ħabiba ta’ Chris Fearne bħala Kap Eżekuttiv tal-FMS, l-istess Rapa ma jridx iwieġeb min imbotta l-isem ta’ Ciantar għal din il-kariga. U x’tip ta’ esperjenza kellha l-ħabiba ta’ Fearne fil-qasam mediku, sabiex tpoġġiet tmexxi l-FTS.

Net News saqsa lil Joe Rapa dawn id-domandi:

  • min ressaq l-isem ta’ Carmen Ciantar għand l-FMS?
  • int meta sirt taf bil-ħatra?
  • x’għamilt s’issa dwar dan il-kuntratt?
  • ma taħsibx li l-paga ta’ €160,000 hija waħda eżaġerata?

S’issa, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa għadu qed jevita milli jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, is-sit elettorniku The Shift żvela li d-Deputat Prim Ministru ta kuntratt lussuż ta’ €163,000 fis-sena lill waħda mill-campaign managers tiegħu, Carmen Ciantar, lura fl-2019. Hi fil-fatt tpoġġiet bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – fondazzjoni li taqa’ direttament taħt id-dekasteru tal-Ministeru tas-Saħħa.

Skont l-aktar kuntratt riċenti tagħha bħala Kap Eżekuttiv, li għalih ġiet appuntata mingħajr sejħa fuq struzzjonijiet diretti tal-Ministru Fearne, Carmen Ciantar se titħallas salarju bażiku ta’ €115,000 fis-sena, li jiżdied b’€5,000 fis-sena sakemm tilħaq is-salarju ta’ €130,000 fis-sena, id-doppju tal-Ministru tagħha. Ma’ dawn Ciantar għandha bosta perkaċċi: fosthom bonus annwali ta’ 20% li jrid ikun approvat minn Fearne nnifsu, allowance għall-karozza ta’ €7,000 fis-sena, u pakkett komprensiv ta’ insurance tas-saħħa, li għal persuna ta’ 51 sena jiswa’ lill-kaxxa ta’ Malta madwar €5,000 oħra fis-sena.