Internazzjonali

Kazakhstan: Lura lejn livell ta’ stabbilità fost l-irtirar tat-truppi Russi

Taqsimiet tal-militar Russu ħadu sehem f’ċerimonja li mmarkat il-bidu tal-irtirar tal-qawwiet għaż-żamma tal-paċi – membri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat Kollettiv għas-Sigurtà (CSTO) – minn Kazakhstan.

Iċ-ċerimonja saret f’Almaty u l-irtirar qed isir skont id-deċiżjoni adottata mis-CSTO aktar kmieni fix-xahar. Il-qawwiet għaż-żamma tal-paċi tas-CSTO – entità mmexxija mir-Russja u li tinkludi suldati mill-Istati ġirien – kienu marru fit-territorji Każaki għal żmien limitat, bil-għan li ‘jistabilizzaw u jinnormalizzaw is-sitwazzjoni’ fi bnadi partikulari, wara l-kriżi tal-aħħar jiem f’Kazakhstan.

Il-preżenza tat-truppi barranin seħħet fuq it-talba speċifika tal-President ta’ Kazakhstan, Kassym Jobart-Tokayev  — bil-militar jinkludi suldati mill-Belarus, l-Armenja, it-Taġikistan u Kyrgyzstan. Dan ukoll wara li l-Ministeru tad-Difiża Russu kmieni fix-xahar kien ikkonferma t-trasferiment tal-kontinġent militari Russu tas-CSTO lejn l-inħawi ta’ Almaty u z-zoni madwar tal-ajruporti f’Kazakhstan.

Intant — u minkejja t-tensjoni politika — is-sitwazzjoni f’Kazakhstan qed tidher aktar kwieta wara l-protesti popolari kontra ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-fuel…Protesti li, jiem ilu, wasslu għal konfronti qattiela bejn id-dimostranti u l-membri tas-sigurtà Każaki.