Lokali

“Kif jistgħu n-nisa jħossuhom protetti?”

Il-kummenti li għadda lbieraħ il-Korp tal-Pulizija ġabu magħhom rabja kbira, partikolarment fost dawk li għadhom imweġġa’ bil-qtil makabru ta’ Paulina Dembska. Dan wara li l-Pulizija, f’konferenza tal-aħbarijiet, qalu li l-Pollakka ma nqatlitx “għaliex hija mara”.

Fi stqarrija b’reazzjoni, il-Malta Women’s Lobby qal li dan kien kumment tassew insensittiv.

Huma saqsew kif jista’ jkun li n-nisa jħossuhom protetti meta fil-Korp għandek tmexxija li taħsibha b’dan il-mod.

Fil-konferenza tal-bieraħ, id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Ramon Mercieca spjega li wara li seħħ il-każ, il-Korp żied il-preżenza tal-Pulizija f’Tas-Sliema, filwaqt li qed iżommu kuntatt aktar mill-qrib mal-komunità li tinsab fil-qrib. Dan filwaqt li tenna li, b’mod ġenerali, pajjiżna għadu meqjus bħala wieħed sigur.