Lokali Qorti

Kumpens ta’ €5,000 fuq tkeċċija nġusta ta’ waitress talli rrifjutat isservi kejk mhux frisk

Waitress rebħet kumpens ta’ €5,000 wara li tkeċċiet mix-xogħol inġustament minħabba li rrifjutat li sservi klijent biċċa kejk li ma kienx frisk, anzi kien kemmxejn antik. Il-kumpanija Suda Entertainment Limited li tmexxi r-ristorant Pepe Nero ġiet ordnata mill-Qorti tal-Appell biex tħallas lil Giulia Gattucio minħabba t-tkeċċija inġusta fil-konfront tagħha.

Gattucio tkeċċiet wara li rrifjutat li sservi l-kejk li kien tħalla barra mill-friġġ għal sagħtejn sħaħ. Hija rrifjutat li sservih anke wara li l-Manager tagħha talbitha biex tagħmel dan. Il-waitress Taljana qalet li l-manager imbagħad ordnatilha titlob skuża ruħha talli ma servietx il-kejk, u dan wassal għat-tkeċċija tagħha.

Hija ħadmet mal-kumpanija bejn Diċembru 2016 u Lulju 2018. Sid ir-ristorant qal li hi kienet waqfet tmur għax-xogħol u mhux tkeċċiet. Il-Manager tar-ristorant Doris Zarb qalet li kienet ordnat lil Gattucio biex iservi l-kejk, iżda qalet li dan mhux l-uniku inċident li kienet involuta fih Gattucio u li kien hemm kwistjonijiet oħra. Zarb qalet li eventwalment waqfet tinkludi lil Gattucio fir-roster wara li Gattucio waqfet tmur għax-xogħol.