Lokali Qorti

Tgħid li kienet fi stat ta’ ġenn waqt inċident vjolenti ma’ mara oħra

Mara ta’ 48 sena minn Wied il-Għajn akkużata li aggredit u weġġgħet gravi lil mara oħra qalet li kienet fi stat ta’ ġenn meta wettqet reat, u dan wara li kien binha stess li għamel rapport fuqha lill-pulizija. L-Ispetturi Kurt Farrugia u Darren Fabri qalu lill-Qorti li f’Diċembru, il-pulizija kienet irċeviet informazzjoni mingħand iben l-akkużat, li tindika li hija kienet sawwtet mara oħra b’injama u weġġgħetha gravi.

Il-Pulizija kienet marret fuq il-post, u sabet lill-mara fi stat mentalment disturbat. Hija ttieħdet l-isptar Monte Karmeli biex tirkupra u aktar tard ġiet iċċertifikata li hija tajba biex tiġi interrogata. Sussegwentement is-suspettata ġiet mgħoddija lill-pulizija u interrogata.

Il-mara li taħdem bħala ‘machine operator’ ma weġbitx meta mistoqsija jekk kinitx qed wieġeb ħatja jew mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha L-avukat tal-għajnuna legali Christopher Chircop qal lill-qorti li hi mhux se tkun qed twieġeb dar dan, u f’siimha daħħal eċċezzjoni ta’ insanità fil-ħin tat-twettiq tar-reat.

Huwa talab ukoll li l-qorti taħtar esperti psikjatriċi biex jistabbilixxu jekk kinitx f’sensiha minn moħħha fiż-żmien li seħħ ir-reat. Il-Maġistrat Ian Farrugia qal li l-qorti se tkun qed tiddikjara lilha nnifisha dwar dan il-motiv fi stadju aktar tard, u spjega li ma riedx jorbot idejn il-maġistrat li eventwalment jiġi assenjat lilu l-każ.

Il-libertà proviżorja ma ntalbitx. Minflok, id-difiża talbet li l-qorti, fid-dawl tal-motiv li sar, tordna lid-direttur tal-ħabs biex jiżgura li l-akkużata tinżamm “f’istituzzjoni li tieħu ħsieb l-aħjar għall-bżonnijiet tagħha fid-dawl tal-ħtiġijiet partikolari tas-saħħa tagħha.”

L-akkużata kienet diġà volontarjament iċċekkjat ġewwa faċilità fil-jiem li għaddew, qalu lill-qorti. L-avukat Christopher Chircop kien avukat difensur, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb irrappreżentaw lill-vittma fil-proċeduri.