Lokali Qorti

Mixlija b’serq, li ħebbet għall-Pulizija u li kisret il-police bail

Mara li nhar l-Erbgħa se tagħlaq 31 sena minn Birkirkara li tinsab residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Doreen li kisret il-‘police bail’ ikkommettiet serqa u kienet kompliċi f’serqa oħra ma’ raġel ta’ nazzjonalita barrnija permezz ta’ ċekk falz u li ħebbet għall-Pulizija mara li kienet fil-kustodja tagħha.

Sarah Zammit kienet mixlija wkoll li kisret il-police bail u dan għaliex meta ingħatat ġurnata u ħin biex tmur l-għassa ta’ Birkirkara għal aktar interogazzjoni, ma marritx. Zammit, li ilha tikser durfejha mal-Pulizija sa minn mindu kellha 16-il sena qalet fil-Qorti li hija homeless.

Zammit hija omm ta’ tarbija ta’ ftit xhur u li għandha problema ta’ droga u kienet miżmuma l-isptar minħabba sintomi li kellha marbuta mad-droga. L-Ispettur Andrew Agius li ressaq lil Zammit qed jixliha b’serq aggravat minn ħanut taż-żraben f’Birkirkara u kompliċità ta’ ċekk falsifikat minn ħanut tal-ħwienet f’Baystreet fejn min hemm permezz taċ-ċekk ittieħdu xi oġġetti.

Il-mara kienet ukoll ikkundanata sentejn ħabs fuq każ ieħor fil-passat filwaqt li s-serqa mill-ħanut f’Birkirkara saret fis-16 ta’ Frar li għadda filwaqt li t-teħid ta’ oġġetti minn ħanut permezz ta’ ċekk falsifikat seħħ fis-7 ta’ Marzu.

Il-problema tad-droga ilha konsistenti fil-konfront ta’ Zammit is-snin. L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech qal li l-mara għandha bżonn l-għajnuna. Huwa m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, anke minħabba l-fatt li hija tinsab il-ħabs fuq każ ieħor.