Lokali Qorti

Multa wara li niżżlet informazzjoni minn fuq kompjuter ta’ skola fejn kienet taħdem

Il-Maġistrat Rachel Montebello immultat mara mill-Mosta €800 wara li nstabet ħatja li niżżlet informazzjoni minn fuq il-kompjuter tal-eks post tax-xogħol tagħha. Hija kienet taħdem fi skola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin u fil-preżent qed taħdem fi skola oħra li hija speċjaliżżata fit-tagħlim tal-lingwa Ingliża.

Pauline Fenech ta’ 55 sena kienet qed tiġi mixlija mill-Ispettur Doriette Cuschieri li f’Mejju 2012, u fix-xhur ta’ qabel, għamlet qligħ b’qerq b’dannu għall-kumpanija Computer Domain, li għamlet użu ħażin minn informazzjoni tal-kumpanija, li għamlet dikjarazzjoni falza u li mingħajr awtorizzazzjoni niżżlet informazzjoni minn kompjuter tax-xogħol mingħajr permess.

Ħareġ li Dimech kienet taħdem mal-kumpanija English Domain Limited, skola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin immexxija mill-kumpanija Computer Domain qabel ma rriżenjat. Dan għax bidlet ix-xogħol u qabdet taħdem ma’ kompetitur bl-isem ta’ Bels Malta Limited li wkoll tmexxi skola li tgħallem l-Ingliż.

Il-kumpanija Computer Domain ħasstiha aggravata b’dan kollu u għamlet rapport lill-Pulizija, u dan wara li kellha tnaqqis fil-bejgħ tas-servizzi u nnutat anomaliji bejn il-ħlasijiet li ngħatat Dimech u l-irċevuti li ppreżentat flimkien mal-ħinijiet li ħadmet.

Il-Pulizija elevaw kompjuter mingħand Bels Malta Limited li kien jintuża minn Dimech u mill-investigazzjoni rriżulta li kien fihom numru ta’ fajls b’dokumenti u informazzjoni li kienu tal-kumpanija Domain. Permezz tal-avukati tagħha Dimech qalet li dan kollu seħħ b’mod “aċċidentali”.

Il-Qorti iżda ma qablit ma’ din it-teżi u qalet li argument bħal dan “ftit jista’ tittieħed bis-serjetà”. Il-Qorti iżda qalet ukoll li ma ġiex pruvat li l-mara kisbet l-informazzjoni biex tgħinha f-impjieg il-ġdid tagħha. Għaldaqstant ma ġiex pruvat li Dimech wettqet frodi jew miżapproprjazzjoni b’dannu għall-Computer Domain u nstabet biss ħatja li niżżlet informazzjoni li kienet tal-eks impjieg tagħha.

Meta ġiet biex tikkomputa l-piena, l-Maġistrat Montebello qieset li l-proċeduri kontra Dimech kienu ilhom għaddejjin sitt snin u li hija formalment kienet akkużata bir-reati tliet snin wara li sar ir-rapport lill-Pulizija. Il-Maġistrat Montebello qieset ukoll il-fatt li ma jidhrix li l-kumpanija sofriet xi preġudizzju materjali u li Dimech lanqas l għamlet użu mill-informazzjoni li niżżlet.