Futbol Sport

Napoli eliminati… Milan fir-rawnd li jmiss tal-Coppa Italia

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Diego Armando Maradona Napoli sfaw eliminati mill-Coppa Italia meta kienu megħluba minn Fiorentina bl-iskor ta’ 5-2 fil-ħin barrani. Fiorentina fetħu l-iskor fil-41 minuta meta minn pass ta’ Riccardo Saponara, kien Dusan Vlahovic li dar tajjeb mad-difensur u xeħet fix-xibka għal 1-0. Napoli irrispondew tliet minuti wara meta kien Dries Mertens li kkonkluda fil-lasta għal 1-1.

Minuta wara Fiorentina spiċċaw b’raġel inqas meta tkeċċa l-goalkeeper Barltomej Dragowski wara foul fuq Eljif Elmas. Fiorentina marru fil-vantaġġ fis-57 minuta permezz ta’ Cristiano Biraghi, qabel ma’ Napoli ukoll spiċċaw b’10 plejers fl-84 minuta meta tkeċċa għalihom Hirving Lozano. Napoli spiċċaw b’9 plejers fit-93 minuta meta tkeċċa għalihom Fabian, biss minuta wara huma kisbu d-draw, meta kien Andrea Petagna li xeħet fix-xibka għal 2-2.

Fil-ħin barrani Napoli sabuwha diffiċli b’9 plejers bi Fiorentina jagħmluhom 3-2 fil-105 minuta permezz ta’ Lorenzo Venuti. Fiorentina skorjaw ir-raba’ u l-ħames gowl tagħhom fil-108 u fil-119-il minuta permezz ta’ Krzysztof Piatek u Youssef Maleh rispettivament.

Intant f’San Siro Milan għelbu lil Genoa ukoll wara l-ħin barrani bl-iskor ta’ 3-1. Kienu Genoa li marru fil-vantaġġ fis-17-il minuta permezz ta’ Leo Oestigard, qabel Milan kisbu d-draw fl-74 minuta minn Olivier Giroud. Fil-ħin barrani kienu gowls ta’ Rafael Leao fil-102 minuta u gowl ta’ Alexis Saelemakers fil-112-il minuta li taw rebħa għal Milan biex għamluha għar-rawnd li jmiss.

COPPA ITALIA

Ilbieraħ: Napoli v Fiorentina 2-5, Milan v Genoa 3-1