Futbol Sport

Replay b’filmat mill-isbaħ, b’kuraġġ għal Reggie Cini

Reggie Cini jiċċelebra wieħed mill-Kampjonati mirbuħa ma' Valletta

Mill-bieraħ filgħodu sal-llum, ma waqfux il-messaġġi ta’ bosta, li fuq il-midja soċjali kitbu kliem ta’ kuraġġ għall-eks gowlkiper internazzjonali Malti, Reggie Cini li jinsab rikoverat fi sptar fi Sqallija, jiġġieled kontra marda kiefra. Cini, li llum għandu 51 sena, hu wieħed mill-personalitajiet l-aktar popolari u magħrufa fil-Belt Valletta, anke għaliex ma’ Valletta FC hu rebaħ xejn inqas minn sitt kampjonati, fl-era ta’ Joe Caruana Curran bħala President tal-klabb.

Fuq il-midja soċjali, spikkaw diversi ritratti ta’ partitarji, l-aktar dawk ta’ Valletta, ma’ Cini fiż-żminijiet differenti u isbaħ minn dak li qed jgħaddi minhu l-eks gowlkiper ta’ Valletta, Sliema Wanderers u Marsaxlokk rispettivament. Iżda fl-aħħar sigħat, il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, tellgħat filmat qasir u tassew emozzjonali, b’ritratti li juru lil Cini fl-aqwa tiegħu, u saħansitra jgħolli t-trofew ta’ wieħed mill-Kampjonati Premier li rebaħ mat-tim tal-lokal tiegħu, Valletta.

Il-filmat dwar Cini minn Replay malajr kien popolari, hekk kif l-aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-futbol lokali u programmi sportivi fuq l-istazzjonijiet NET, selmu lil Cini b’kliem sabiħ u ta’ kuraġġ:

Ħsiebna f’Reggie f’dan il-mument tant diffiċli.

Reggie li nafu aħna, qatt ma beża’ minn ħadd u xejn.

Reggie li nafu aħna, ma dawwar wiċċu qatt għall-ebda sfida li kellu quddiemu.

Reggie li nafu aħna, kien kapaċi jirbaħ sfidi diffiċli u impossibli.

Reggie, minn din il-battalja, int se toħroġ rebbieħ!

#kuraġġreggie

Sabiex tara dan il-filmat ta’ Replay dwar Cini, agħfas hawn.