Lokali Qorti

Sidien ta’ negozji fil-Belt, li l-Gvern irid jiżgombra, isostnu li l-art hija tal-Knisja

L-avukati ta’ grupp ta’ sidien ta’ negozji tal-Belt Valletta li qed jiġġieldu l-iżgumbrament mid-Dipartiment tal-Artijiet, sabiex jagħmlu post għal proġett ta’ €10 miljun, sostnew quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva li l-art inkwistjoni lanqas kienet jew hija tal-Istat, iżda tal-Knisja, u għamlu referenza għal kuntratt li jmur lura għal żmien Napoleoniku.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ppresediet l-ewwel seduti ta’ grupp ta’ kawżi mressqa minn diversi sidien ta’ negozji tal-Belt Valletta nnotifikati b’avviżi ta’ żgumbrament lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. L-Awtorità tal-Artijiet kienet bdiet ittemm kirjiet kummerċjali għal ħwienet madwar il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, b’rabta mas-sigurtà tal-proġett tal-mużew tal-Katidral.

Fil-fatt inħarġu ittri ta’ terminazzjoni lil ħwienet fi Triq Santa Luċija fil-Belt Valletta, ħafna minnhom stabbiliti għal żmien twil, li jinfurmaw lis-sidien tal-ħwienet li l-kirjiet tagħhom kienu qed jintemmu. Fl-ittri, id-Dipartiment tal-Artijiet qal li l-iżgumbrament tagħhom kien meħtieġ u fl-interess pubbliku, għas-sigurtà tal-proġett tal-mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-estensjoni tal-uffiċċji amministrattivi maħsuba għall-fondazzjoni tal-Kon-Katidral.

L-Avukat Edward Debono, li deher għall-inkwilini flimkien mal-avukati Antoine Cremona u Chiara Frendo, talab lit-Tribunal biex iwaqqaf il-proċeduri fil-kawża ta’ żgumbrament sakemm tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ jekk din hux art talp-knisja jew tal-istat.

L-Avukat Cremona spjega li l-kwistjoni ta’ min fil-fatt hu proprjetarju tal-propjeta’ u għalhekk ta’ min għandu s-setgħa li jippreżenta għall-iżgumbrament tal-inkwilini, hija kwistjoni “li sal-lum hija kkontestata u storikament mhux solvuta minn żmien it-tluq tal-Ordni ta’ San Ġwann. u l-Franċiżi minn Malta.” Il-kwistjoni ilha pendenti mill-1798, huwa qal.

L-Avukat Debono għamel ħarsa storika qasira tal-kwistjoni, u qal lill-maġistrat li Napuljun Bonaparte kien ta l-Katidral u l-bażi tiegħu lill-Knisja Kattolika wara li kienu għarfu lill-Ġeneral Vaubois bħala Commandant en chef des Isles de Malte et du Goze, u mhux. il-Knisja Maltija, li magħha kienu daħlu f’kunflitt.

“Qabel ma dan il-każ ikun jista’ jipproċedi din il-kwistjoni trid l-ewwel tiġi solvuta. Għalhekk, l-applikant qed jitlob sospensjoni tal-proċeduri sakemm tiġi determinata din il-kwistjoni,” qal Debono. L-Avukat Ramona Attard, li dehret mal-Awtorità tal-Artijiet, iddikjarat li mill-provi li se jiġu esebiti quddiem it-Tribunal jirriżulta li l-ordni ta’ żgumbrament saret skont il-liġi u skont il-kuntratti eżistenti u li għalhekk ma kienx hemm bżonn sospensjoni tal-proċedimenti quddiem it-tribunal.

Il-Maġistrat, fid-dawl tal-argumenti mressqa, ​​ordna li fis-seduta li jmiss, li se ssir fis-7 ta’ Frar jixhed rappreżentant tal-awtorità konvenuta dwar it-titolu u jekk il-kuntratt fuq il-proprjetà kienx biddel xi pożizzjoni legali. Attard qalet li ma taqbilx li l-interpretazzjoni tal-attur tal-kuntratt kienet tfisser li l-iżgumbrament ma setax iseħħ.

Hija sostniet li l-appell kien dwar id-deċiżjoni tal-iżgumbrament. “Il-kwistjoni hija: l-Awtorità kellha s-setgħa li twettaq dan l-iżgumbrament?” hi qalet. L-avukat sostniet wkoll li l-kirja ta’ mill-inqas waħda mill-propjetajiet kienet skadiet minħabba nuqqas ta’ ħlas, iżda dan kien ikkontestat minn Dr. Debono li wara li kkonsulta mal-klijent tiegħu, qal li l-kera kienet tħallset, b’referenza għal irċevuta.

L-Avukat Attard irribattiet li l-irċevuta ma kinitx rilevanti u li l-importanti kienet ittra ġudizzjarja mibgħuta mill-awtorità. Tnejn mill-atturi infurmaw lit-tribunal li huma kienu ħallsu għal permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet barra l-propjetà tagħhom li kienu validi sa Diċembru 2022. L-Avukat Debono sostna li ma kienx jagħmel sens li l-gvern joħroġ permessi lil negozju waqt li fl-istess ħin isostni li l-kirja tan-negozju ma kinitx valida.