Internazzjonali

Ukrajna: Websajts tal-Gvern fil-mira ta’ attakk ċibernetiku

Numru ta’ websajts tal-Gvern Ukren, fl-aħħar sigħat, waqfu milli jiffunzjonaw b’kaġun ta’ attakk ċibernetiku li kien dirett ukoll għal diversi ambaxxati.

Il-hackers responsabbli irnexxielhom iħarbtu s-siti tal-Ministeri Ukreni għall-Edukazzjoni u l-Affarijiet Barranin, bl-effetti tal-attakk jinħassu wkoll fl-ambaxxati tal-Ukrajna fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Iżvezja.

Qabel l-attakk kien deher messaġġ ‘bi twissija biex l-Ukreni jippreparaw għall-agħar sitwazzjoni’. Intant, ma kenitx stabbilita l-identità tal-hackers u lanqas ma kien magħruf minn fejn kien ġej dan l-attakk eżattament. Madankollu, is-swaba tal-Ukreni qed jippuntaw lejn ir-Russja – b’Moska tibqa’ ma tikkummentax.

Is-servizzi tas-sigurtà fl-Ukrajna qalu matul is-sena l-oħra huma newtralizzaw mal-1,200 attakk ċibernetiku f’perjodu ta’ disa’ xhur biss. Fl-aħħar sigħat, l-Ukrajna sospendiet numru ta’ websajts biex tnaqqas l-impatt tal-aħħar attakk u waqt li numru fost il-websajts affettwati kienu qed jirritornaw għan-normal.

Min-naħa tiegħu, Josep Borrell, li jmexxi l-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, qal li l-Unjoni qed timmobilizza r-riżorsi kollha tagħha bil-għan li tgħin lill-Ukrajna tinewtralizza dawn it-tipi ta’ attakki.