Lokali

Il-Ministri jiddefendu l-kuntratt li ngħatat iċ-Chief of Staff tal-Ministru Fearne

… u jiġu jaqgħu u jqumu mill-ħaddiema tal-Air Malta

Għaċ-Chief of Staff tal-Ministru Fearne sabu 13,000 ewro fix-xahar, iżda għall-ħaddiema tal-Air Malta ma sabux flus.

Din hi r-reazzjoni ġenerali li fl-aħħar sigħat iddominat il-media soċjali, fid-dawl tal-fatt li Carmen Ciantar – persuna qrib ferm tad-Deputat Prim Ministru, tant li hi l-Campaign Manager tiegħu – qed titħallas 13,000 ewro fix-xahar bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Madankollu, ftit sigħat biss wara li kien żvelat dan il-kuntratt lussuż u skandaluż, il-ħaddiema tal-Air Malta kienu nfurmati mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li nofshom se jispiċċaw bla impjieg għax il-linja nazzjonali tal-ajru hi mimlija bid-dejn.

Iżda quddiem dan kollu, il-Kabinett ta’ Robert Abela qed juri li jiġi jaqa’ u jqum mill-ħaddiema Maltin u Għawdxin – f’dan il-każ il-ħaddiema tal-Air Malta – tant li għalihom ma sabx flus biex iżommu x-xogħol tagħhom.

Konferma ta’ dan waslet mill-Ministru Aaron Farrugia li, mistoqsi direttament minn NET News dwar jekk jarax li hu ġust li ċ-Chief of Staff tal-Ministru qed tingħata 13,000 ewro fix-xahar u għall-ħaddiema tal-Air Malta l-Gvern ma sabx l-istess eluf…. hu qabad u telaq ‘l hemm wara li qalilna li se jieqaf hemm.

Fil-verità, mistoqsi jekk bħala Ministru jaqbilx mal-impjieg ta’ Carmen Ciantar, Aaron Farrugia stqarr li d-Deputat Prim Ministru qal biżżejjed dwar dan il-kuntratt u minn hemm ‘il quddiem, il-Ministru baqa’ jgħid li wieġeb biżżejjed qabel ma telaq ‘l hemm.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg ukoll ħarab milli jikkummenta dwar il-kuntratt li ngħatat Carmen Ciantar billi qal li joqgħod fuq dak li qalu Abela u Fearne.

Fl-aħħar leġislatura tiegħu, Gvern Nazzjonalista kien beda proċess ta’ ristrutturar fil-linja nazzjonali tal-ajru … proċess li beda jħalli l-frott tiegħu, tant li kien il-Gvern Laburista stess li kien qal li ħadd mill-ħaddiema tal-AirMalta ma kien se jitlef xogħolu.

Madankollu, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari qed jibqgħu juru li jaqgħu u jqumu mill-karba tal-ħaddiema li se jispiċċaw jitilfu xogħolhom. U dan meta kienu deċiżjonijiet żbaljati meħudin mill-Gvern Laburista stess li wasslu lill-kumpanija fix-xifer.

Fosthom l-impjieg ta’ persuni qrib il-Partit Laburista, bħal Karl Stagno Navarra, li ngħata kuntratt ta’ 40,000 ewro biex suppost imexxi l-komunikazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru.