Lokali

Il-PN jesprimi diżappunt li l-Ministru Zammit Lewis qed jirrifjuta li jiddiskuti r-rikonoxximent tal-femiċidju bħala reat fih innifsu

Il-qtil brutali ta’ Paulina Dembska u l-każi kontinwi ta’ vjolenza fuq in-nisa li ħarġu fid-dawl anke lbieraħ filgħodu, fejn mara oħra nqatlet f’darha stess, u komplew jiġu amplifikati l-lakuni inkwetanti fis-sistema ta’ Malta.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li jirrikonoxxi li minkejja li r-reat ta’ omiċidju volontarju f’Malta jġorr l-ogħla piena possibbli ta’ ħabs għal għomru, il-Gvern għandu għall-anqas jimpenja ruħu f’riċerka li turi vantaġġi numerużi li jirrikonoxxi l-femiċidju bħala reat kriminali speċifiku.

Il-fatt li l-femiċidju jiġi inkluż bħala reat speċifiku jiffaċilita l-monitoraġġ u l-istudju tal-femiċidju u s-sejba ta’ miżuri adegwati għall-prevenzjoni tiegħu, rispons rapidu, investigazzjoni adegwata u l-prosekuzzjoni u l-kastig tal-awturi.

Minbarra rikonoxximent xieraq, investigazzjoni speċjalizzata ta’ każi ta’ femiċidju u t-taħriġ tal-infurzar tal-Liġi u tal-Prosekuturi tagħna hi meħtieġa wkoll. B’dan il-mod, ir-rikonoxximent leġiżlattiv tal-problema se jindika s-serjetà tal-kwistjoni u se jipprovdi l-impetu għall-progress futur fl-investigazzjoni tar-reati.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li jappoġġja s-sejħiet ta’ diversi għaqdiet tad-drittijiet tan-nisa biex ir-reat tal-femiċidju jkun rikonoxxut bħala reat fih innifsu, kif ukoll riforma fil-mod kif jiġu investigati l-femiċidji mill-bidu. Hu meħtieġ li l-persuni responsabbli għall-investigazzjoni kriminali u l-Prosekuzzjoni jirċievu taħriġ speċjalizzat fil-kawżi u fiċ-ċirkostanzi li fihom isiru l-femiċidji.

In-nuqqas kontinwu tal-Gvern li jirrikonoxxi li r-reati bbażati fuq il-ġeneru huma problema reali, kif ukoll in-nuqqas sussegwenti li jittrattahom bħala tali, mhux se jwassal għal soluzzjonijiet reali.

Dan hu eżempju ieħor tan-nuqqas ta’ djalogu li jikkaratterizza lill-Gvern immexxi minn Robert Abela, temmet tgħid l-istqarrija.