Lokali

Jason Micallef ma jaqbilx mal-kuntratt għaċ-Chief of Staff tal-Ministru Fearne

Qasma oħra interna fil-Labour

L-iskandlu taċ-Chief of Staff ta’ Chris Fearne reġa’ ħoloq qasma oħra fil-Partit Laburista, b’esponenti ewlenin jitkellmu b’mod qawwi fl-istritturi interni biex Abela juri tassew li hu Mexxej u mhux pupazz tan-nies ta’ madwaru.

Dan minkejja li s’issa, il-Prim Ministru għadu ċass quddiem din is-sitwazzjoni ta’ persuna tal-qalba li qed iddaħħal €13,000 fix-xahar sempliċiment għax hi persuna qrib ħafna tad-Deputat Prim Ministru, tant li hi l-Campaign Manager tiegħu.

Fost dawk li kritikaw lil Robert Abela fil-pubbliku hemm iċ-Chairman tal-media Laburista Jason Micallef, li fuq Facebook esprima ruħu kontra dan il-kuntratt. Il-messaġġ tiegħu fuq Facebook ġab il-kundanna wkoll ta’ diversi persuni – fosthom partitarji Laburisti – bħal dak li kiteb li l-ħtija ta’ kollox taqa’ fuq il-Ministru Chris Fearne.

Persuna oħra qalet li fil-weekend tal-elezzjoni lesta ssiefer għal ħamest ijiem biex la tara u lanqas tisma’ wara li l-familja tagħha kienet imweġġa’ mill-Partit Laburista u minn dawk li, skont hi, jaħsbu li huma xi ħaġa.

Partitarju Laburist ieħor qal li ma jaċċettax li hemm min fil-Gvern jara biss flus, filwaqt li ieħor qal li l-Prim Ministru messu jieħu azzjoni għax kollox qed jibqa’ għaddej mar-riħ.

Persuna oħra qalet li hemm min fil-Gvern jgħaddik passata jekk tmur tkellmu biex tieħu dak li hu tiegħek bi dritt umbagħad, għax ġejja l-elezzjoni, iċemplulek daqslikieku ilhom jafuk. Għaldaqstant, qalet li issa jrid ikollha l-kuraġġ tgħid “issa daqshekk”.

Tal-istess opinjoni partitarja oħra, li qalet li din il-ħsara qed twassal lil ħafna Laburisti biex iwarrbu għax li kien ħażin qabel, la sar tajjeb issa u lanqas isir qatt. Fuq kollox, persuna oħra nnutat kif din is-sitwazzjoni hi tal-biki għax kien ikun ħafna aħjar li kieku tħallsu tmien għalliema minflok ma saret ħniżrija bħal din.