Lokali Qorti

Ordni ta’ probation għal raġel li sawwat lill-eks sieħba u lil binha

Raġel ta’ 40 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li nstab ħati li sawwat lill-eks sieħba tiegħu u lil binha ta’ erba’ snin.

Il-każ seħħ tliet snin u nofs ilu fl-appartament tas-sieħba f’San Pawl il-Baħar wara li kienu għadhom kif irritornaw minn barbecue tal-familja tagħha.

Wara l-aggressjoni, il-mara ċemplet lill-Pulizija, li min-naħa tagħhom kellhom jisgassaw il-bieb wara li r-raġel ma riedx jiftħilhom. Barra minhekk, il-Pulizija kellhom jużaw it-taser gun biex jikkontrollawh.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, ir-raġel kien akkużat fost l-oħrajn li kkaġuna feriti ħfief lis-sieħba u lil binha, kif ukoll li żammha kontra l-volontà tagħha, li ħaqar lil tifel ta’ seba’ snin u li hedded lil żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Maġistrat innutat ix-xhieda tas-Social Worker, li qalet li l-akkużat issa reġa’ mal-eks sieħba tiegħu, kif ukoll li fil-kumpanija tagħha jkun aktar kalm. Minbarra l-ordni ta’ probation, il-Qorti ordnatlu fost l-oħrajn biex jibqa’ jieħu l-kura, filwaqt li wissietu li jekk ma jagħmilx dan, jeħel multa ta’ €1,164.