Lokali Qorti

Priġunerija għal ħames immigranti li kienu nvoluti f’rewwixta fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi

Ħames immigranti irregolari, mis-Sudan u mill-Eritrea, residenti fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi kienu kkundannati għaxar xhur ħabs kull wieħed u ordnati jħallsu parti mill-ispejjeż tal-esperti wara li nstabu ħatja li ħadu sehem f’rewwixta fiċ-Ċentru, li seħħet f’Settembru 2020.

L-akkużati, li kienu parti minn grupp akbar ta’ immigranti li kollha tressqu l-Qorti, għandhom bejn 20 u 28 sena.

Fost dawk li xehdu fil-Qorti kien hemm Pulizija, Suldati u Uffiċjali tad-Detenzjoni, b’uħud minnhom jgħidu li kienu għarfu lill-akkużati fost dawk li bdew iwaddbu l-ġebel u l-ħadid, kif ukoll li kissru ħajt biex jippruvaw jaħarbu.

Il-Maġistrat Gabriella Vella qalet li l-ħsarat fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni kienu meqjusin bħala minuri, ladarba l-espert tal-Qorti kien iċċertifika li l-ħsarat fuq il-ħajt ma kienux jaqbżu l-€500.