Ir-residenti ta’ Marsaskala bagħtu ittra lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea fejn talbu li ssir inkjesta dwar jekk il-yacht marina pjanata fil-bajja ta’ Wied il-Għajn tiksirx ir-regolamenti tal-UE kontra t-tniġġis u favur il-ħarsien tal-ħajja tal-baħar.
L-ittra hija ffirmata minn 700 persuna u 8 organizzazzjonijiet Maltin u tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pjan għal marina f’Wied il-Għajn – li ġie ppubblikat fil-PQQ (il-Pre-Qualification Questionnaire) ta’ Transport Malta – jikser id-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats u konvenzjonijiet u protokolli oħra.
Fost it-tħassib ewlieni li tesprimi l-ittra hemm it-theddid serju fuq is-sit tan-Natura 2000 magħruf bħala ‘il-Magħluq’. Is-sit jiġbor fih żewġ tipi ta’ ħabitats u speċi ta’ ħut, il-bużaqq, li huma protetti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats. Dan il-post tgħix fih ukoll is-sallura Ewropea li hija speċi fil-periklu. Il-konservazzjoni ta’ dan is-sit tiddependi mill-kwalità tal-ilma baħar li jidħol mill-bajja. Id-dgħajjes pjanati għall-marina u l-interventi infrastrutturali assoċjati magħha ser iniġġsu l-ilma baħar, ibiddlu l-fluss tiegħu u b’hekk jheddu serjament dan is-sit.
Il-bajja ta’ Wied il-Għajn hija wkoll il-ħabitat naturali ta’ mergħat sħaħ ta’ Posidonia li huma kklassifikati għall-ħarsien prijoritarju fid-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats. It-tħammil, il-pontuni li jnaqqsu l-penetrazzjoni tad-dawl, ir-reklamazzjoni tal-art, iktar breakwaters u l-użu ta’ kimiċi kontra t-tmermir fil-manutenzjoni tad-dgħajjes ser inaqqsu bil-kbir il-kurrenti tal-baħar u l-fluss tal-ilma fil-bajja, u b’hekk jipperikolaw dawn il-mergħat protetti.
L-ittra tressaq l-argument li l-pjan għall-marina imur kontra l-politiki u l-miri tal-UE bħal pereżempju l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fil-fatt, l-allokazzjoni ta’ aktar siti għall-marinas tfixkel it-tranżizzjoni ta’ Malta lejn ekonomija blu sostenibbli u tħeġġeġ ix-xiri ta’ aktar dgħajjes ta’ rikreazzjoni li jħeġġu l-użu ta’ iktar karbonju. Barra minn hekk, il-konċentrazzjoni ta’ bastimenti kbar tal-baħar fil-bajja ser iżżid l-emissjonijiet tal-karburanti fossili, tikkomprometti l-kwalità tal-ilma u tipperikola l-attivitajiet ekonomiċi blu ewlenin ta’ Wied il-Għajn, jiġifieri t-turiżmu kostali u s-sajd.
L-ittra tirreferi wkoll għall-fatt li l-bajja hija l-qalb u r-ruħ tar-raħal. L-attivitajiet kollha marbuta mas-sajjieda tal-post, bħall-irmiġġ max-xatt għall-bejgħ tal-ħut frisk, l-inkontri soċjali, attivitajiet sportivi bħall-kayaking u l-għadis, il-ġiri u l-għawm, u avvenimenti relatati mal-festa tar-raħal, kollha jsiru fil-bajja jew fl-ispazju tal-madwar. Marina bilfors ser teqred jew tisposta l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet għax tibla’ l-ispazju li jużaw b’mijiet ta’ jottijiet u l-faċilitajiet li jmorru magħhom.
Ir-residenti ta’ Wied il-Għajn saħqu li marina fil-bajja ta’ Wied il-Għajn ser tfixkel l-armonija eżistenti bejn il-komunitajiet differenti li jgawdu mill-bajja bħala riżorsa komuni. Marina ser teqred din ir-riżorsa komuni tagħhom biex takkomoda lill-ftit.
L-organizzazzjonijiet li ffirmaw l-ittra huma: Marsaskala Residents’ Network, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, l-għaqda Rota u The Archaeological Society Malta.