Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Sa issa huma 4 l-kandidati għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew

S’issa huma tlieta l-kandidati li se jkunu qed iħabbtuha ma’ Roberta Metsola għall-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew.

L-elezzjoni tat-Tlieta tiftaħ b’diskors minn wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew. Isegwu mbagħad diskorsi qosra ta’ madwar ħames minuti minn kull kandidat.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola hi l-Kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għal din il-kariga daqstant prestiġġjuża.

Umbagħad hemm Alice Bah Kuhnke, Żvediża ta’ 50 sena mill-Grupp tal-Ħodor, li se tkun qed tikkontesta għal din il-kariga għall-ewwel darba.

Min-naħa l-oħra, għal Sire Rego, Spanjola ta’ 48 sena, dan mhux l-ewwel tetnattiv għal dan ir-rwol f’isem il-Grupp tax-Xellug, li kienet diġà kkontestat fl-2019.

L-uniku raġel li qed jikkontesta din il-kariga s’issa hu Kosma Zlotowski. Pollakk ta’ 57 sena u li hu l-Kandidat tal-Konservattivi fl-Ewropa.

Għall-elezzjoni jivvutaw il-Membri Parlamentari Ewropej kollha, 705 b’kollox. U biex Kandidat ikun elett President jeħtieġ iġib il-maġġoranza sempliċi ta’ nofs il-voti u wieħed, jiġifieri 353.

Il-proċess jista’ jieħu ftit tal-ħin mhux ħażin anke għax mhux mistenni li Kandidat wieħed jikseb il-maġġoranza tal-voti mal-ewwel votazzjoni.

Dan ifisser li jkollu jittieħed it-tieni vot, bil-proċess jista’ jsir sa erba’ darbiet sakemm Kandidat wieħed jikseb il-maġġoranza tal-voti. In-numru massimu ta’ vot meħuda huma erba’.

Il-votazzjoni se ssir b’mod virtwali wara li l-pjan oriġinali li jsir b’mod fiżiku twarrab minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija.

It-Tnejn jagħlqu n-nomini għall-kandidati ta’ din l-elezzjoni.

Intant it-Tnejn filgħaxia, ukoll fi Strasburgu se ssir ċerimonja li tfakkar il-memorja tal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli. Din iċ-ċerimonja se titmexxa minn Roberta Metsola li bħalissa qed isservi bħala Aġent President wara l-mewt tal-istess Sassoli nhar it-Tlieta.

Net Television se jkun qed ixandar programm speċjali tul il–ġurnata kollha tat-Tlieta, b’kollegamenti diretti minn Strasburgu, aġġornamenti kontinwi u intervisti interessanti.