Sport Waterpolo

Possibbiltà tajba ta’ Sliema v Neptunes fis-semifinali tal-play-offs tal-Enemed Cup

Rapport: Stewart Said

Hekk kif jonqos l-aħħar ġurnata ta’ logħob biex tintemm l-ewwel fażi, San Ġiljan Mercury Towers huma ċerti li se jispiċċaw fl-ewwel post jekk jegħlbu lil Sirens fl-aħħar konfront. Jekk jiġri hekk ifisser li fis-semifinali tal-play-offs l-oħra, Sliema u Neptunes jilagħbu kontra xulxin hekk kif huma ċerti minn post mal-ewwel tlieta. Jonqos biss min se jkun ir-raba’ tim, b’Exiles huma favoriti.

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS….. 15

MARSASKALA FISH AND FISH………. 6

(4-1), (2-0), (4-3), (5-2)

San Ġiljan Mercury Towers temmew l-impenji fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni b’rebħa faċli fuq Marsaskala Fish and Fish. Konfront li fih il-Ġiljaniżi ddettaw il-logħob u żiedu l-vantaġġ gradwalment. Ritorn għal Andreas Galea, fl-ewwel dehra tiegħu fil-kompetizzjoni minħabba li l-kampjonat A2 tal-Italja jinsab wieqaf. In-numru tlieta Ġiljaniż niżżel ismu fost l-iskorers tliet darbiet.

Neqsin għat-tim Ġiljaniż kien hemm Ben Plumpton, Jake Bonavia u Nikolai Zammit, b’tal-aħħar iħalli pajjiżna biex jingħaqad ma’ Ludwigsburg fl-ogħla diviżjoni Ġermaniża. Għal Marsaskala, Paul Privitera ma niżilx fl-ilma u kien qed jassisti lill-kowċ Arpad Babay.

Doppjetta ta’ Nicholas Bugelli u gowls ta’ Mattias Ortoleva u Daniel Tully taw vantaġġ komdu ta’ 4-0. Għalkemm Jean Claude Cutajar naqqas id-distakk, Matthew Zammit kabbar il-vantaġġ għal 6-1 b’doppjetta fit-tieni sessjoni.

Il-vantaġġ ta’ ħames gowls tefa’ lil San Ġiljan f’pożizzjoni komda, biż-żewġ kowċis konxji mid-destin taż-żewġ timijiet tant li tul it-tielet sessjoni nbidlu ż-żewġ gowlkipers regolari. F’mument minnhom, San Ġiljan kellhom vantaġġ ta’ 10-2, b’Gerald Sammut u Gianluca Galea jnaqqsu d-distakk qabel il-bidu tal-aħħar sessjoni. It-tim ta’ Dorian Pisani rebaħ ukoll l-aħħar sessjoni bi tliet gowls konsekuttivi.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (3), A. Galea (3), D. Fero, R. Caruana (1), M. Zammit (3), M. Ortoleva (1), D. Tully (2), K. Grech (1), D. Zammit, N. Schiavone (1), G. Vassallo, F. Scardino, L. Montebello Brownrigg

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), A. Camenzuli (1), R. Greco, G. Galea (1), K. Navarro (1), M. Manara, D. Pace Lupi (1), G. Sammut (1), J. Ciantar, M. Carani, A. Muscat

Referees: Peter Balzan, Richard Magri

EXILES………………………….. 9

SLIEMA FRANK SALT……. 15

(2-2), (0-4), (4-3), (3-6)

Fl-ewwel logħba tal-ġurnata, Sliema Frank Salt kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u aċċertaw li jtemmu l-fażi ta’ qabel il-play-offs mal-ewwel tnejn. Rebħa ta’ 15-9 li dehret li se tkun aktar komda, kieku Exiles ma rnexxielhomx jibqgħu fil-logħba fit-tielet sessjoni. Sliema reġgħu kienu mingħajr Matthew Mifsud, Liam Galea, Benji Cachia u Jamie Gambin li qed jilagħbu barra l-pajjiż filwaqt li Jerome Gabarretta għadu indispost.

Jayden Cutajar fetaħ l-iskor għal Sliema, Exiles dawru r-riżultat sakemm Kieyan Borg ġab id-draw. Sliema skorjaw erba’ gowls mingħajr risposta fit-tieni sessjoni u dehru li se jwittu t-triq għar-rebħa. Iżda Exiles irnexxielhom jibqgħu fil-logħba fit-tielet sessjoni. Saħansitra fl-aħħar sessjoni, Exiles kienu naqqsu d-distakk għal 9-7 b’gowl ta’ Mark Fenech. Iżda Sliema żiedu l-vantaġġ gradwalment u aċċertaw mir-rebħa lejn it-tmiem.

Exiles: M. Castillo, N. Saliba (1), S. Apap, P. Paris (1), T. Sullivan (2), L. Gialanze, M. Fenech (3), K. Griscti (1), N. Paris, J. Bajada, M. Aquilina (1), D. Fenech, G. Borg, S. Xerri de Caro

Sliema: N. Grixti, J. Pace Mizzi, E. Schembri, D. Rizzo, M. Meli, J. Cassar, Z. Cutajar Licari, J. Cutajar (1), J. Brownrigg (2), K. Borg (2), Z. Mizzi (4), Di. Zammit (5), A. Theuma, J. Saliba, S. Engerer

Referees: Ronnie Spiteri, Stefan Licari

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………. 8

NEPTUNES…………………………… 10

(2-2), (3-1), (2-2), (1-5)

Neptunes dawru telfa f’rebħa fl-aħħar sessjoni, għelbu l-isfida ta’ Birżebbuġa Freeport u aċċertaw minn post fil-play-offs permezz tat-tielet post. Għal darba oħra Birżebbuġa resqu viċin ir-rebħa, iżda bħal dak li seħħ aktar kmieni matul il-ġimgħa kontra Sliema, tilfu dak kollu li ħadmu għalih fl-aħħar.

Ta’ min wieħed isemmi li t-tim ta’ Neptunes kienu miżgħud bi plejers żgħażagħ. Dan minħabba li għal darba oħra, kien hemm neqsin Stevie Camilleri, Jake Muscat, Jeremy Abela, Michael Spiteri Staines, Sam Gialanze u Alec Fenech.

Il-vantaġġ alterna bejn iż-żewġ timijiet fl-ewwel sessjoni iżda Birżebbuġa ħadu vantaġġ fit-tieni sessjoni, vantaġġ li sa dak il-ħin meritat. Doppjetta ta’ Ben Grech u Julian Farrugia kabbru l-vantaġġ għal 5-2, b’Ryan Galea jnaqqas id-distakk lejn it-tmiem.

Sal-ewwel parti tat-tielet sessjoni, Birżebbuġa kellhom vantaġġ ta’ 7-3, iżda hawn bdiet ir-rimonta ta’ Neptunes. Gabriel Pace u Ryan Galea qatgħu d-distakk min-nofs biex l-aħħar sessjoni bdiet 7-5. Sa nofs l-aħħar sessjoni, Birżebbuġa kien għad kellhom vantaġġ ta’ 8-6, iżda Mark Castillo u Max Zammit ġabu d-draw b’żewġ gowls f’anqas minn minuta. Castillo poġġa lil Neptunes minn fuq minn man-up veloċi, b’James Spiteri Staines jirdoppja l-vantaġġ. Alan Borg Cole salva penalty ftit wara u aċċerta r-rebħa għal Neptunes.

Birżebbuġa: M. Sladden, J. Farrugia (1), N. Cassar, B. Grech (3), R. Mock (1), M. Mannino, D. Cutajar (1), C. Borg, K. Tanti (1), R. Spiteri (1), M. Curmi, F. Buhagiar

Neptunes: A. Borg Cole, M. Zammit (1), L. Mallia, G. Pace (2), D. Cordina, J. Spiteri Staines (1), M. Castillo (3), J. Camilleri, R. Galea (3), E. Mallia, D. Bugeja, B. Zammit, M. Farrugia

Referees: Massimo Angileri, Neville Mercieca

Klassifika: Sliema 16-il punt minn 6 logħbiet, San Ġiljan 13-il punt minn ħames logħbiet, Neptunes 9 punti minn ħames logħbiet, Exiles ħames punti minn 5 logħbiet, Sirens 4 punti minn 5 logħbiet, Birżebbuġa 2 punti minn 5 logħbiet, Marsaskala punt minn 5 logħbiet