Ekonomija Lokali

Xahar ieħor, rekord ieħor: id-dejn ta’ pajjiżna jmiss it-8 biljuni

Id-dejn ta’ pajjiżna miss it-8 biljun ewro sat-tielet kwart tal-2021, skont l-aħħar statistika tal-NSO, ċifra ta’ twaħħix meta wieħed iqis li din tirrappreżenta mażżra ta’ €16,000 fuq kull ċittadin Maltin, kbir u żgħir.

Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco.

Il-poplu Malti issa m’għadux jemmen li dan id-dejn sporporzjonat u esaġerat huwa kawża tal-pandemija, imma huwa frott tberbiq  – fl-aħjar każ ta’ nuqqas ta’ għaqal – iżda ħafna drabi ta’ deals korrotti li derrina bihom Gvern Laburista, bħall-proġetti tal-Electrogas u tal-Vitals.

Dil-ġimgħa stess rajna storja oħra, li tagħhom tlifna l-kont, ta’ kuntratt skandaluż mogħti mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne lill-campaign manager tiegħu – salarju ta’ €163,000, fl-istess żmien fejn eluf ta’ familji qed ikunu sfurzati li jsibu part-time biex ilaħħqu mal-ħajja dejjem togħla. Dan hu biss wieħed mit-tant impjiegi li tqassmu lil ħbieb tal-qalb tal-Ministri, bħal ma għamlet l-eks-Ministru tal-Edukazzjoni.

Kuntratti li anke s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi jgħid li m’approvax.  Iżda b’daqqa ta’ pinna, il-Ministri Laburisti jberbqu ġidek u jqassmuk lil ta’ madwarhom.

Mhux ta’ b’xejn li fit-tielet kwart tas-sena, skont l-NSO, il-pagi biss żdiedu bi kważi 30 miljun ewro.

Is-sitwazzjoni fid-dejn ta’ pajjiżna hi sitwazzjoni simili għal dak li ġara fl-Air Malta. Gvern Laburista moħħu biss li jasal sal-elezzjoni,  bl-ebda inkwiet għal mażżra li qed jorbot m’għonq ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin li għad iħallsu prezz qares tal-irresponsabbiltá.