Lokali

51 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

“51 xhar mill-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, diversi protesti, 160 diskors, nxtegħlu diversi xemgħat u tpoġġew diversi fjuri u posters u il-memorial ġie imnaddaf iktar minn 500 mitt darba u għad fadlilna ħafna aktar x’nagħmlu biex niksbu il-ġustizzja għal mewt ta’ Daphne Caruana Galizia” – Hekk stqarru Alessandra Dee Crespo, Marcelline Naudi u Jon Mallia, waqt velja għal Daphne Caruana Galizia li ttelat fis-6.30pm fi Pjazza l-Assedju l-Kbir, fil-Belt Valletta.

Waqt din il-velja fil-51 xahar mill-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-ewwel kelliema Alessandra Dee Crespo stqarret li Daphne Caruana Galizia kienet, bħalma iddikjarat l-Inkjesta Pubblika, eroj li bil-kitba tagħha u b’kuraġġ kbir poġġiet presjoni liema bħala fuq dawk li f’pajjiżna kellhom is-setgħa, bil-konsegwenza li din il-pressjoni ħaditilha ħajjitha. Dee Crespo stqarret li huwa d-dmir ta’ kull ċittadin Malti li jimxi fuq il-passi ta’ Daphne Caruana Galizia, u meta jaraw xi ħaġa li mhux sew u nġusta jitkellmu u jiġbdu l-attenzjoni. Dan filwaqt li wriet solidarjeta mall-familja Caruana Galizia li matul dawn is-snin kollha, ta’ kull ġurnata taw eżempju ċar ta’ ċittadinanza onestà, kuraġġuża u responsabli.

Marcelline Naudi kompliet fuq is-sentiment ta’ Dee Crespo, filwaqt li stqarret li ma jistax ikun li hekk kif qed jgħaddi ż-żmien in-numri ta’ femiċidji qiegħdin jkomplu jiżdiedu, bħal każ li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu bl-allegat stuprar u qtil ta’ Paulina Dembska. Naudi kompliet biex tgħid li l-vjolenza fuq il-mara mhux biss il-femiċidju iżda wkoll li jingħata fastidju u l-kliem li jintuża’ fil-konfront ta’ nisa, fit-triq, fuq il-midja soċjali li jkompli t-tixrid ta’ kliem li jiddenigraw lin-nisa u jagħmluhom oġġett għall-‘pjaċir’ tal-oħrajn, okkażjonijiet li qiegħdin jkomplu jiżdiedu aktar kemm jgħaddi ż-żmien. Naudi kompliet biex tgħid li n-nisa ma’ ħaqqomx trattament ta’ dan it-tip, sempliċiment għax huma nisa, u din is-sitwazzjoni hemm bżonn li tinbidel illum qabel għada, dan hekk kif skont Naudi, l-femiċidju mhux problema tan-nisa imma hija problema tas-soċjetà Maltija kollha.

Minn naħa tiegħu Jon Mallia stqarr li hemm bżonn li s-soċjetà Maltija timxi fuq il-passi ta’ Daphne Caruana Galizia u tiġġieled l-inġustizzji filwaqt li kompla biex jgħid li minkejja l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Daphne xorta rebħet għaliex it-tifel tagħha Matthew Caruana Galizia kompla fejn ħalliet ommu u kompla l-ġlieda tiegħu kontra dawk li riedu jaħkmu lill-pajjiżna taħt idejhom. Jon Mallia kompla biex jgħid li dawk li qatluha, l-akbar żball li għamlu kien li m’antiċipawx li l-ħemda ta’ wara l-isplużjoni se timtela bil-vuċi ta’ Daphne Caruana Galizia li għadu jidwi sal-lum saħansittra bħalissa hekk kif il-folla inġabret biex tagħti ġiħ għall-memorja ta’ Daphne.

Intant għal din il-velja attendew l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-mara tiegħu AnneMarie Grech.

Tags