Lokali

Robert Abela jieħu daqqa ‘l isfel fit-‘trust rating’

Jekk issir elezzjoni ġenerali għada, 13.9% tal-elettorat għadu ma jafx lil min se jivvota u 10.4% qed jgħidu li mhux se jivvutaw. L-aħħar survey tal-Maltatoday li sar bejn il-5 u t-12 ta’ Jannar u li kien ippublikat il-Ħadd, juri li l-PN għadu l-underdog u li l-Partit Laburista jgawdi vantaġġ.

Skont is-survey, il-PN għandu maġġoranza fost żgħażagħ b’edukazzjoni terzjarja, fost persuni li jgħixu fiz-zona ta’ Tas-Sliema, Gżira u San Ġiljan, kif ukoll fost l-elettorat li jgħix fil-punent ta’ Malta.

Dan l-istħarriġ sar fost 647 persuna f’Malta u f’Għawdex u l-marġni ta’ żball f’dawn in-numri huwa stmati madwar 4.2%.

Robert Abela ħa daqqa ta’ erba’ punti perċentwali mill-aħħar survey. Bernard Grech żamm in-numri li kellu fl-aħħar survey u f’dak li għandu x’jaqsam ‘trust rating’, il-Kap tal-PN issa għandu l-fiduċja ta’ 26% tal-elettorat. Ftit iktar minn 21% saħqu mal-Maltatoday li m’għandhomx preferenza bejn Robert Abela u Bernard Grech, filwaqt li 5.6% ma jafux lil min l-iktar javdaw.

Id-daqqa li ħa l-Prim Ministru jista’ jkun hija dovuta għat-taħwid li nħoloq vis-a-vis miżuri tal-pandemija, il-fatt li pajjiżna reġa’ tilef il-kontroll tal-‘mewġ’, l-iskandli fil-Gvern li ma jaqtgħu xejn fosthom dak li ġara b’Justyne Caruana u biċ-Chief of Staff ta’ Chris Fearne, kif ukoll in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet tal-Prim Ministru.

L-istess Prim Ministru li ħadha drawwa jistaħba mill-media u li ftit li xejn qed ikun suġġett għal mistoqsijiet importanti li qed jibqgħu mhux imwieġba. Robert Abela, li sar jidher biss f’avvinimenti tal-Partit Laburista u fuq l-istazzjonijiet One, fejn fl-aħħar sigħat saħansittra saħaq li “f’dawn is-sentejn ma kellniex episodju wieħed ta’ governanza ħażina” taħt it-tmexxija tiegħu.

L-istess tmexxija li waslet għal skandlu wara l-ieħor fil-Kabinett, fosthom ta’ Justyne Caruana, Rosianne Cutajar, Edward Zammit Lewis, Carmelo Abela, Chris Fearne u oħrajn. Sentejn li fihom baqa’ ċass quddiem l-iskandlu tal-Electrogas, il-bejgħ tal-isptarijiet, l-għoli tal-ħajja u s-serq fil-kontijiet tad-dawl.