Lokali

Aktar protesti kontra l-miżuri tal-Covid

Ftit sigħat qabel f’pajjiżna jidħlu miżuri oħra b’rabta mal-pandemija, mijiet ta’ persuni nġabru fil-Belt Valletta biex jipprotestaw kontra l-mod li bih il-Gvern qed imexxi fid-dawl taż-zieda fil-każi… propju dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin li mingħajru persuna mhux se tkun tista’ tgħix ħajja normali.

Bl-introduzzjoni tal-miżuri l-ġodda, mis-17 ta’ Jannar, persuni li mhux imlaqqmin b’mod sħiħ, jiġifieri bil-booster, apparti mill-ewwel żewġ dożi, mhux se jkunu jistgħu jidħlu f’bars, ristoranti, gyms, pools, ċinema u avvenimenti sportivi, ladarba ma jkunux ippreżentaw ċertifikat validu tal-vaċċin.

Dawk preżenti saħqu li la darba ma tingħatax garanzija li l-vaċċin m’għandu l-ebda riskju għas-saħħa, kull individwu għandu jkollu l-libertà għall-għażla.

Kien fid-dawl ta’ dan li qiesu d-deċiżjonijiet tal-Gvern bħala waħda dittatorjata… filwaqt li komplew jitolbu biex il-‘green pass’ jitneħħa kompletament, biex b’hekk l-ebda persuna ma titneħħilha d-dritt li tagħmel ċertu attivitajiet.

Matul il-protesta, numru ta’ persuni ġew imħarka hekk kif kienu qed jiksru miżuri relatati mal-pandemija maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, fosthom l-ilbies tal-maskri li issa jistgħu ma jintlibsux biss minn persuni li jkunu mlaqqma bil-booster ġaladarba jkunu fi gruppi ta’ inqas minn tnejn.

Intant, fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista appella lill-gvern biex jirtira l-miżuri li se jiddaħħlu fis-17 ta’ Jannar, li effettivament jagħmlu l-booster tal-vaċċin obbligatorju.

Filwaqt li l-PN jappoġġja bis-sħiħ il-parir tal-professjonisti tas-saħħa biex jittieħed il-vaċċin u l-booster – kemm għal raġunijiet ta’ sigurtà personali kif ukoll is-saħħa pubblika – il-partit jemmen ukoll fid-drittijiet tan-nies li jieħdu d-deċiżjoni għalihom infushom, speċjalment fil-kuntest li qed jinbidel fil-pandemija.

Il-PN jinsab fiduċjuż li meta jingħataw l-informazzjoni t-tajba, in-nies ikunu responsabbli fl-għażliet u fl-attitudnijiet tagħhom, filwaqt li jkunu aktar rispettużi lejn ħaddieħor, speċjalment dawk li huma vulnerabbli.