Internazzjonali

Covid-19: Il-ħajja fir-Renju Unit, fl-2022, tista’ ‘kważi’ tirritorna għal-livelli ta’ qabel il-pandemija

L-infezzjonijiet bil-Covid li qed ikunu rappurtati fir-Renju Unit qegħdin jonqsu b’mod regolari – b’din ix-xejra ilha tkun innutata mill-bidu tas-sena l-ġdida. Sadanittant, kien immarkat ukoll tnaqqis fil-mewġa tal-infezzjonijiet bil-varjant Omicron, b’xi esperti qed jgħidu li r-Renju Unit kapaċi riesaq eqreb it-tmiem tal-pandemija.

Filwaqt li r-Renju Unit, fl-aħħar sigħat, irrappurtat viċin it-82,000 każi ġodda tal-Covid, din kienet l-inqas ċifra ta’ infezzjonijiet għal ġurnata waħda fil-pajjiż mill-15 ta’ Diċembru.

Madankollu, hu minnu li l-ammont tal-imwiet mill-Covid f’perjodu ta’ 28 jum mit-test pożittiv għadu għoli fir-Renju Unit – b’1,843 imutu mill-infezzjoni fl-aħħar ġimgħa. Intant, qed ikun innutat li naqsu n-numri tal-pazjenti bil-Covid li jeħtieġu l-kura speċjalizzata fl-isptarijiet tal-Ingilterra.

Il-Professur Julian Hiscox – iċ-Chairman tat-taqsima għall-mard li jittieħed u s-saħħa globali mal-Università ta’ Liverpool —  qal li l-pajjiż, issa, riesaq lejn fażi ġdida fil-pandemija fejn mistenni li l-virus jibda’ iħalli impatt anqas għall-ħajja ta’ kuljum. ‘Kważi wasalna’, tenna l-Professur Hiscox, li jemmen ukoll li l-ħajja fir-Renju Unit, fl-2022, se tkun kważi lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Il-varjant Omicron, fl-istess ħin, jibqa’ it-theddida numru wieħed għar-Renju Unit u l-Ewropa – iżda minn din il-ġimgħa, il-persuni fl-Ingilterra li ma jurux sintomi tal-marda mhux se jeħtieġu aktar test tal-PCR li hu proċessat fil-laboratorju biex jikkonfermaw ir-riżultati ta’ rapid test. Għalissa, ir-residenti fir-Renju Unit għadhom qed ikunu mitluba biex, akkost ta’ kollox, jirrappurtaw ir-riżultati tar-rapid tests li jkunu suġġetti għalihom.

Fil-Ġermanja, bħalissa, il-mewġa ġdida tal-infezzjonijiet bil-Covid għaddiet in-numri tal-każi rreġistrati f’Novembru – bl-esperti mediċi qed iwissu dwar it-theddida kbira għall-persuni li mhumiex ivvaċċinati.

Fil-fatt, nhar is-Sibt, Il-Ġermanja reġistrat rata rekord ta’ infezzjonijiet, bl-Istitut ta’ Robert Koch li jitratta l-mard li jittieħed jinnota l-livell ta’ 497.1 każi għal kull 100,000 ċittadin fi spazju ta’ sebat ijiem. Sadanittant, il-Ħamis li għadda ġab ukoll rekord ta’ każi għal jum wieħed fil-Ġermanja, fejn kienu kkonfermati ‘il fuq minn 92,000 infezzjonijiet ġodda bil-Covid.

Fl-Italja, ħarġet il-konferma li l-varjant Omicron – li kapaċi jinfetta lin-nies ħafna aktar mill-varjant Delta – kien qed jagħmel tajjeb għal xi 81 fil-mija tal-infezzjonijiet bil-Covid li nstabu fil-pajjiż fit-3 ta’ Jannar li għadda.

L-informazzjoni ngħatat mill-Ogħla Istitut tas-Saħħa fl-Italja, bil-kelliema jgħidu li mad-19 fil-mija tal-każi, sa dakinhar, kienu dovuti għall-varjant Delta. Dan meta l-prevalanza tal-Omicron, bħalissa, qed tvarja minn reġjun għal reġjun f’dan il-pajjiż.