Internazzjonali

Ġamajka: Arrestat dwar il-qtil tal-President ta’ Haiti

L-awtoritajiet fil-Ġamajka arrestaw lil John Joel Joseph, eks senatur ta’ Haiti, li hu l-akbar suspettat fil-qtil, f’Lulju, tal-President ta’ Haiti, Jovenel Moise. Il-President kien inqatel minn grupp ta’ irġiel armati li kienu attakkaw ir-residenza tiegħu f’Port-au-Prince. Wara sar magħruf  li kien proprju Joseph li supplixxa l-armi u li ħa ħsieb il-laqgħat li trattaw ‘il-passi lejn l-assassinju tal-President’.

Mhux eskluż li l-arrest tal-eks senatur seta’ seħħ fuq talba tal-Istati Uniti li wkoll qed tinvestiga l-qtil ta’ Moise. Intant, rapport estensiv mill-pulizija ta’ Haiti qal li  John Joel Joseph kien ‘strumentali fl-azzjoni fatali tas-7 ta’ Lulju’.

Mario Antonio Palacios, eks uffiċjal mal-militar tal-Kolombja, ukoll jinsab akkużat ( fl-Istati Uniti) bħala imsieħeb fil-kumplott inkwistjoni. U filwaqt li, f’Haiti, saru diversi arresti b’konnessjoni mal-qtil tal-President, Palacios hu l-ewwel fost is-suspettati li spiċċa jiffaċċja l-akkużi speċifiċi dwar l-assassinju.