Futbol Sport

Inter miżmuma minn Atalanta… Rebħa minima għal Roma

(Ritratt: EPA)

Fi Gewiss Stadium Inter kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls barra minn darhom għand Atalanta. Minkejja li Inter baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika momentarjament, huma jistgħu jinqabżu minn Milan jekk jirbħu l-konfront tagħhom kontra Spezia. Min-naħa l-oħra dan id-draw kien biżżejjed biex Atalanta telgħu fir-raba’ post tal-klassifika bi 42 punt, biex qabżu lil Juventus.

Sassuolo kienu megħluba f’darhom minn Verona bl-iskor ta’ 4-2. Kienu Verona li marru fil-vantaġġ fis-37 minuta meta minn pass ta’ Antonin Barak kien Gianluca Capri li xeħet fix-xibka. Huma rdoppjaw minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kien Antoni Barak li approfitta fuq żball ta’ Maxime Lopez u għamilhom 2-0. Sassuolo naqqsu d-distakk fl-54 minuta permezz ta’ Gianluca Scamacca, iżda tliet minuti wara kienu Verona li skorjaw it-tielet gowl tagħhom minn penalty ta’ Antonin Barak. Sassuolo għamluhom 3-2 fis-67 minuta meta kien Gregoire Defrei li bir-ras xeħet fix-xibka. Iżda Verona għalqu l-partita fl-aħħar minuti meta reġa’ kien Antonin Barak li għeleb lil goalkeeper għal 4-2.

Fi Stadio Olimpico Roma kisbu rebħa mportanti ta’ 1-0 fuq Cagliari biex żammew posthom fis-sitt post tal-klassifika b’35 punt.Kien fil-31 minuta li Roma ngħataw penalty meta Dalbert deher imiss l-ballun b’idu fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Mill-ħdax-il metru Sergio Oliveira ma żbaljax biex ta rebħa minima lit-tim immexxi minn Jose Mourinho.

SERIE A

Ilbieraħ: Sampdoria v Torino 1-2, Salernitana v Lazio 0-3, Juventus v Udinese 2-0 Ilum: Sassuolo v Verona 2-4, Venezia v Empoli 1-1, Roma v Cagliari 1-0, Atalanta v Inter 0-0 Għada: Milan v Spezia 6.30pm, Bologna v Napoli 6.30pm, Fiorentina v Genoa 8.45pm