Futbol Sport

L-Alġerija bl-ewwel telfa wara 35 partita… Il-Kosta tal-Ivorju miżmuma fi draw

Minn Grupp E tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani l-Alġerija kienu megħluba mill-Guinea Ekwitorjali bl-iskor ta’ 1-0, biex sofrew l-ewwel telfa tagħhom f’35 partita. L-Alġerija kienu biss żewġ partiti ‘l bogħod milli jwaqqfu rekord dinji ġdid tal-aktar tim internazzjonali li ma tilifx. Il-gowl uniku tal-partita wasal fis-70 minuta meta kien Esteban Obiang li xeħet fix-xibka għal 1-0.

Minn Grupp E wkoll il-Kosta tal-Ivorju u Sierra Leone temmew fi draw ta’ 2-2. Il-Kosta tal-Ivorju ngħataw penalty fit-12-il minuta iżda Franck Kessie naqas milli jsib ix-xibka mill-ħdax-il metru. Minkejja dan huma marru fil-vantaġġ fil-25 minuta meta minn pass ta’ Wilfred Zaha kien l-attakkant ta’ Ajax Sebastian Haller li kkonkluda fix-xibka. Sierra Leone kisbu d-draw fil-55 minuta meta minn pass ta’ Mohamed Buya kien Noah Kamara li xeħet fix-xibka għal 1-1.

Il-Kosta tal-Ivorju reġgħu ħadu l-vantaġġ fil-65 minuta meta kien l-attakkant ta’ Arsenal Nicolas Pepe li xeħet ġewwa. Iżda fl-aħħar minuti Sierra Leone kisbu d-draw meta minn pass kien Steven Caulker li għadda lejn Alhaji Kamara li kkonkluda fix-xibka għal 2-2.

Fl-ewwel partita tal-Ħadd il-Gambja temmew fi draw ta’ 1-1 kontra l-Mali. L-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 0-0 fejn kienet nieqsa mill-azzjonijiet. Kien Ibrahim Kone li tefa’ lil Mali fil-vantaġġ fid-79 minuta mill-ħdax-il metru. Biex imbagħad l-Gambja wkoll ngħataw penalty fid-90 minuta biex mill-ħdax-il metru kien Musa Barrow li ma żbaljax għal 1-1.

Mill-istess Grupp F it-Tuneżija kisbu rebħa faċli fuq Mawritanja bl-iskor ta’ 4-0. It-Tuneżija fetħu l-iskor fir-4 minuta permezz ta’ Hamza Mathlouthi, bit-Tuneżini jirdoppjaw ħames minuti wara permezz ta’ Wahbi Khazri. Huma komplew iżidu l-iskor fl-64 minuta meta minn pass ta’ Ghaylene Chaalali reġa’ kien Wahbi Khazri li kkonkluda fix-xibika. Biex żewġ minuti wara it-Tuneżija għamluhom erba’ meta minn pass ta’ Khazri kien Seifeddine Jaziri li skorja r-raba u l-aħħar gowl.

TAZZA TAN-NAZZJONIJIET AFRIKANI

Illum: Grupp E Kosta tal-Ivorju v Sierra Leone 2-2, Alġerija v Guinea Ekwitorjali 0-1 Grupp F Gambja v Mali 1-1, Tuneżija v Mawritanja 4-0