Lokali

Lionel Gerada jinsisti li għadu Direttur fl-MTA

...bħalissa jinsab Dubaj għal avveniment ta' VisitMalta

Wara li l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo baqa’ mhux kapaċi jiddisassoċja ruħu mill-persuni li jitqiesu minn ħafna bħala l-legat ta’ Konrad Mizzi fit-turiżmu, illum sar magħruf li anke Lionel Gerada tħalla fil-kariga li kellu.

Fost rabja kbira li qed tikber qalb il-ħaddiema ġenwini fl-Awtorità tat-Turiżmu (MTA), il-Ministru Bartolo s’issa baqa’ ċass, u minflok jieħu azzjoni qed jibqa’ jaħrab id-domandi ta’ Net News.

Ħaddiema fl-MTA huma nferuċjati għal dak li qed jaraw jiġri bejn l-erba’ ħitan tal-post tax-xogħol tagħhom.

Il-kuntratti kbar li qed jingħataw lil kumpaniji li kumbinazzjoni wkoll huma ta’ persuni qrib ħafna tal-eks Ministru Konrad Mizzi … il-konsulenzi waħda wara l-oħra lill-ħbieb tal-ħbieb … l-eluf kbar li qed jinteqfu fuq digital marketing u li m’huma qed iwasslu prattikament għal imkien. Dan kollu qed jinkorla mhux ftit lil min jifhem kif jaħdem is-settur.

Illum, anke s-Sunday Times kompliet issegwi dak li qed jiġri fl-MTA, b’nies bħal Gerada u grupp żgħir ta’ persuni madwaru.

Bħalissa, Gerada jinsab barra mill-pajjiż għall-Expo ta’ Dubaj. Hu kkonferma li għadu direttur fl-MTA u li ħadd ma ċaqalqu.

Lionel Gerada huwa l-isem tal-persuna magħżul mill-eks Ministru Konrad Mizzi fl-2018 biex imexxi l-għotjiet tal-MTA, u għalhekk kien fiċ-ċentru ta’ diversi stejjer. Dik is-sena, biss grupp wieħed ta’ organizzaturi ta’ attivitajiet ħadu kważi żewġ miljuni  f’fondi mit-taxxi pubbliċi.. fosthom miljun li ntefqu fuq Summer Daze li sar fi żmien Santa Marija.

Fiż-żmien li Gerada kien qed imexxi l-Kumitat tal-Isponsorships, il-budget għall-attivitajiet tal-Awtorita tat-Turiżmu sploda minn żewġ miljuni għal sitt miljuni, bl-organizzaturi tkellmu dwar kif tneħħa għal kollox il-level playing field għalihom.