Futbol Sport

Liverpool ikomplu bl-isfida għal Man City…Tliet punti prezzjużi għal Leeds Utd fil-London Stadium

(Ritratt: EPA)

Liverpool telgħu t-tieni fil-Premier League wara li għelbu lil Brentford, 3-0, f’Anfield Road u fejn ir-Reds kellhom jitħabtu aktar milli juri r-riżultat finali. Il-Bees – li qed jilgħabu għall-ewwel darba fl-ogħla diviżjoni Ingliża – kienu żammew lil Liverpool 2-2 fil-konfront tal-ewwel rawnd tal-kampjonat, iżda l-partita f’Anfield bdiet għat-telgħa malli FABINHO (44) poġġa lir-Reds fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras li ma tat l-ebda ċans lill-gowlkiper, Fernandez. Wara l-mistrieħ, Brentford tilfu ċans tajjeb għad-dro meta Bryan Mbeumo falla okkażjoni tajba quddiem Alisson u fis-sebgħin minuta, Liverpool għamluhom tnejn minn Alex OXLADE-CHAMBERLAIN li ma żbaljax fuq l-assist ta’ Andy Robertson.

L-aħħar gowl ta’ Liverpool wasal mis-sostitut,Takumi MINAMINO, li mill-ġdid għeleb lil Fernandez b’xutt fil-baxx. Fil-preżent, Manchester City, iċ-Champions Ingliżi u l-liders tal-kampjonat, għandhom vantaġġ ta’ ħdax-il punt fuq Liverpool, bis-Citizens jilgħabu logħba aktar mit-tim ta’ Jurgen Klopp. Sadanittant – u minkejja d-dro diżappuntanti ta’ jiem ilu ma’ Arsenal fil-Carabao Cup – ir-Reds, din id-darba, irnexxielhom jaħtfu l-okkażjonijiet ta’ skor ma’ Brentford. Dan minkejja li Liverpool, għall-ewwel darba minn Mejju tal-2017, niżlu għal konfront fil-Premier League mingħajr id-duo formidabbli ta’ Mo Salah u Sadio Mane; b’dawn iż-żewġ attakkanti, bħalissa, qed jilgħabu ( rispettivament) għall-Eġittu u s-Senegal fit-Tazza Afrikana.

Fil-logħba l-oħra, Jack HARRISON skorja l-ewwel hat-trick fil-karriera tiegħu, b’Leeds United jegħlbu lil West Ham Utd, 3-2, fil-London Stadium għal tliet punti mill-aktar importanti. Ir-rebħa tal-Yorkshiremen hi anki tpattija għat-telfa li huma sofrew ġimgħa ilu kontra l-Hammers – b’Leeds.issa, jinsabu fil-ħmistax-il post tal-klassifika; għaxar punti ‘il fuq miz-zona l-ħamra. Harrison fetaħ l-iskor għal Leeds wara għaxar minuti, b’xutt qawwi għar-rokna, iżda West Ham irkupraw u kisbu d-dro minn Jarrod BOWEN fl-34 minuta. Qabel l-intervall kienu Leeds li reġgħu marru fil-vantaġġ meta Harrison (37) kien fil-post eżatt biex jikkonverti fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Luke Ayling u għal riżultat ta’ 1-2 sal-mistrieħ. Kmieni fit-tieni taqsima, il-Hammers kisbu parità minn Pablo FORNALS (52) li skorja l-ewwel gowl tiegħu minn Novembru.

Madankollu l-aħħar kelma f’din il-logħba eċċitanti kienet ta’ Harrison li għaqqad hat-trick stupend wara siegħa logħob u fejn ħalla lil Lukasz Fabianski iħares b’chip li qarraq għal kollox bil-gowlkiper tal-Hammers. Fl-aħħar ħinijiet, Jarrod Bowen tilef opportunità tad-deheb biex isalva punt għal West Ham meta, b’sidru, xeħet il-ballun għoli minn quddiem il-lasta ta’ Meslier.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Man City v Chelsea 1-0, Burnley v Leicester posp, Newcastle v Watford 1-1, Norwich v Everton 2-1, Wolves v Southampton 3-1, Aston Villa v Man Utd 2-2 Illum: Liverpool v Brentford 3-0, West Ham v Leeds 2-3
Tottenham v Arsenal posp.