Lokali

“Mhux kwistjoni ta’ femiċidju…iżda li jissaħħu l-liġijiet eżistenti” – Flimkien Missirijiet Inqumu

Flimkien Missirijiet Inqumu (FMI) fi stqarrija qalu li kienu qed isegwu b’dieqa l-kaz tal-qtil ikexkex ta’ Paulina Dembska iktar kmieni dis-sena u jinnotaw l-aħħar zvilupp li ġie rrapurtat dalgħodu. Dalgħodu, sorsi qrib il-pulizija ġew irraportati jikkonfermaw li l-akkuzat Abner Aquilina kien għadu kif attakka zewġt irġiel ftit qabel ma attakka u qatel lil Dembska, u li l-akkuzat għandu history ta’ identita sesswali kumplikata u possibilment ukoll history ta’ attakki sesswali fuq kemm irġiel kif ukoll nisa.

FMI kienu qed joqgħodu attenti biex ma jipparteċipawx fi spettakli ta’ spekulazzjoni fuq il-media soċjali, imma madanakollu dal-aħħar żvilupp juri l-bżonn mhux ta’ liġijiet ġodda jikkriminalizzaw ‘femiċidju’, kif imqajjem min xi wħud, imma għal infurzar aħjar ta’ liġijiet ezistenti li jipproteġi l-ħajja u drittijiet ta’ kull individu, u possibilment l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ ‘ġeneriċidju’.

‘Ġenereċidju’ fil-liġi, bil-kontra ta’ ‘femiċidju’, jassigura li l-attakki fuq u qtil ta’ kwalunkwe individwu, raġel jew mara, abbazi ta’ ġeneru, jiġu kkastigati iktar severament bħala deterrent. ‘Femiċidju’, mill-banda l-oħra, kunċett li jikkastiga iktar severament irġiel vjolenti li jweġġgħu jew joqtlu n-nisa għax huma nisa imma qatt dawk li jweġgħu jew joqtlu l-irġiel kemm għax huma rġiel.  Dan l-aħħar kunċett huwa moralment repulsiv, inkompatibbli mal-liġi Maltija li qatt ma tippermetti f’ebda parti tagħha li tiġi interpretata b’mod li aġġudikant jiddiskrimina skont il-ġeneru, u li kompletament twarrab irġiel vittmi ta’ abbuz u vjolenza abbazi tal-ġeneru.

FMI jemmnu li wisq ħafna kazijiet ta’ vjolenza domestika ma jiġux rrapurtati mill-vittmi rġiel involuti, minħabba biza’ li ma jitwemmnux, minħabba biza’ li jipprovokaw iktar aġir vjolenti minn min qed jabbuzahom, u minħabba biza’ li l-istituzzjonijiet ta’ infurzar u ġustizja se jagħmlulhom ħajjithom infern ikbar u jikkastigawhom f’kaz ta’ verzjonijiet diverġenti, sempliċiment akkont tal-ġeneru tagħhom u xejn iktar. Is-soċjeta għandha bzonn tiqaf tgħaddas rasha fir-ramel fejn jidħlu vittmi rġiel ta’ vjolenza. Sitt xhur ilu, raġel mill-filippini safa maqtul mill-partner tiegħu, mara, u ħafna mill-istess nies li llum qed jinsistu fuq liġi ta’ ‘femiċidju’ dakinahar malajr kienu lesti jispekulaw u jatu tort lill-vittma biss għax kien raġel. Minn dak iz-zmien ġiet ukoll formalment akkuzata li gidbet fir-rapport tagħha lill-pulizija, fost zviluppi oħra inkwetanti imma li ħadd ma jitkellem fuqhom. Jidher li għal varji organizzazjonijiet, ‘what’s good for the goose is not good for the gander’, u ħafna jippreferu jidfnu l-vittmi rġiel ta’ vjolenza abbazi ta’ ġeneru bogħod mill-memorji tagħna, ħsibijiet, u leġislazzjoni.

Apparti dan kollu, FMI iqisu kunċetti diskriminatorji bħal ‘femiċidju’, bil-kontra ta’ ‘ġeneriċidju, bħala ideoloġikalment inkompatibbli ma’ soċjeta fejn il-fluwidita tal-ġeneru u spettru usa’ iktar inkluziv ta’ orjentazzjoni sesswali, qed issir in-norma. FMI isibuh ironiku l-fatt li waqt li bħala soċjeta qegħdin bilmod inneħħu d-distinzjoni ta’ ġeneru fil-latrini pubbliċi qegħdin ukoll nisħqu għal iktar distinzjoni u trattament diskriminatorju abbazi tal-ġeneru fil-qrati tagħna.