Internazzjonali

Miet l-istilista Taljan Nino Cerruti

L-istilista tal-moda Taljan, Nino Cerruti miet l-isptar fi Piemonte, fl-età ta’ 91 sena. Ir-rapporti mill-Italja qalu li l-mewta ta’ Cerruti – li kien ilu s-snin fost l-aktar stilisti magħrufin fid-dinja – kienet ikkonfermata wara li hu daħal l-isptar biex jagħmel operazzjoni f’ġenbejh.

Cerruti, li daħal fin-negozju matul is-snin ħamsin u li minn dejjem wera talent rari għad-disinn tal-ħwejjeġ baqa’ sal-aħħar jinsisti biex il-ħwejjeġ prodotti minnu jkollhom marka oriġinali għall-aħħar. Ħafna mill-kreazzjonijiet li ħoloq hu stess inżammu fil-fabbrika tat-tessuti li nannuh kien waqqaf fil-belt ta’ Biella, fl-1881.

Nino Cerruti kien fetaħ l-ewwel boutique tiegħu f’Pariġi, fl-1967 u, snin wara, kiseb anki isem fid-dinja ta’ Hollywood, fejn iddesinja l-ħwejjeġ għal atturi ewlenin bħal Jack Nicholson, Michael Douglas, Julia Roberts u Tom Hanks.