Lokali

“Kull ma nagħmlu għall-ġid tal-poplu” – Bernard Grech dwar it-12-il abbozz ta’ liġi mressaq mill-PN

Il-PN se jibqa’ jinsisti li l-abbozz ta’ liġi li jindirizza il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika jiġi diskuss fil-Parlament mill-aktar fis

“Aħna kull ma nagħmlu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi u mhux għaliex tkun ġejja l-elezzjoni” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li xxandret fuq Net Television u Net FM. Bernard Grech kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tan-nies dwar l-abbozz ta’ liġi li ppreżenta ġimgħa ilu fil-Parlament. Abbozz ta’ liġi li jħaddan fih 12-il abbozz ieħor.

Il-Kap tal-PN saħaq li huwa “evidenti li dan l-abbozz kellu reazzjoni pożittiva minn kulħadd hlief mill-Prim Ministru Robert Abela. Dan l-abbozz, huwa serju, li preludju tiegħu huwa minn inkjesta ta’ tliet imħallfin li fiha ħarġu rakomandazzjonijiet ta’ kif nistghu nagħmlu l-pajjiż aħjar.”

Bernard Grech kien qed iwieġeb hekk l-għada tad-dikjarazzjoni stramba li għamel il-Prim Ministru “li kellu l-wiċċ jgħid li dan l-abbozz huwa gimmick ta’ qabel l-elezzjoni.” Il-Kap tal-PN saħaq li b’dak id-diskors, Robert Abela kkonferma li kull ma jagħmel huwa għall-elezzjoni u minn naħar l-oħra kkonferma li dak li jagħmel il-PN huwa biss għall-ġid tal-poplu.

Il-Kap tal-PN fakkar kif meta ħareġ l-abbozz il-Prim Ministru l-ewwel qal li qed jaħdem fuq abbozz ieħor, imbagħad il-Ministru Edward Zammit Lewis qalilna li jista’ jaqbel miegħu u issa qed jgħidu li huwa gimmick.

Meta kompla jispjega aktar, Bernard Grech qal li “dan l-abbozz jagħmel sens għax l-ewwel ma jagħmel jiżbor l-imġieba ħażina tal-politiċi biex jiddefendi lilek. Robert Abela “irid li jiddefendi lil sħabu u imbgħad jagħmel gwerra man-negozjanti għaliex dawn jgħiru għan-nies fin-negozju.” Il-Kap tal-PN saħaq li tal-PL “saru l-antiteżi ta dak li kien Joseph Muscat għaliex qed jattakaw lin-nies tan-negozju, “M’għandhomx ideat ta’ kif jistgħu joħolqu l-ġid u allura se jduru fuqkhom biex inthom tagħmlu tajjeb għall-ħela, is-serq u l-flus li qed jgħatu lil sħabhom u lil tal-qalba.”

Bernard Grech staqsa, “kieku għandek xi ħadd li qed juża flusek u jarmihom tibqa’ tavdah?” Hu kompla b’appell b’saħħtu lill-poplu Malti u Għawdxi; “qed ngħidlek aħsiba, għaliex b’mod ċar qed ngħidlek li l-flus li tħallas int, huma importanti għall-PN, għax nifhem kemm ifissru għalik. Jien nifhem kemm hu diffiċli kemm tbati, nifhem li għandi obbligu li nonfoq flusek bl-aħjar mod possibli għall-ġid tiegħek u ta’ uliedek.”

Suġġett ieħor trattat kien l-Air Malta u t-tkeċċija ta’ aktar min-nofs il-ħaddiema. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista falla pajjiż u falla wkoll l-Air Malta bl-inkompetenza u l-korruzzjoni. Il-Gvern ammetta li tilef il-kredibiltá, ħa l-agħar deċiżjonijiet u nganna lill-ħaddiema u lill-poplu Malti.

Is-Sibt Robert Abela qal ukoll li f’dawn l-aħħar sentejn ma kienx hemm każ wieħed ta’ governanza ħażina, Bernard fakkru f’tal-anqas 12-il każ differenti li feġġew f’dawn l-aħħar xhur. Dan fl-istess waqt li fl-aħħar minn sensiela ta’ skandli, Chris Fearne ta xogħol lill-campaign manager tiegħu ta’ €13,000 fix-xahar minn flus il-poplu.

Bernard Grech qal li Robert Abela ta l-ikbar konferma li sentejn bħala Prim Ministru u disa’ snin gvern Laburista huma iktar minn biżżejjed u pajjiżna għandu bżonn mill iktar fis tmexxija serja li ddawwar id-direzzjoni ta’ pajjiżna u terġa’ tgħolli isem pajjiżna.

Dwar il-pandemija il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista hu favur il-vaċċin u l-booster. It-tnejn qed jagħmlu xogħolhom u aħna nemmnu bis-sħiħ fix-xjenza. Il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll fil-libertá, ir-raġunar u l-bilanċ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna nipperswadu lin-nies u mhux nisfurzawhom għaliex ir-raġuni ma tridx forza.

Dwar il-wage supplement, Bernard Grech saħaq  li kienet il-pressjoni li għamel il-Partit Nazzjonalista li wasslet biex il-Gvern ċeda, u kellu jħabbar li se jestendi l-wage-supplement sabiex jibqa’ għaddej anke wara l-aħħar ta’ Jannar. Bħala Partit Nazzjonalista se nibqgħu naraw li l-Gvern mill-kliem jgħaddi għall-fatti u jibqa’ jipprovdi l-għajnuna neċessarja kemm hemm bżonn.

Dwar l-għoli tal-ħajja Bernard Grech qal li quddiem ir-realtajiet li qed jaffaċċjaw il-familji, fosthom dik tal-għoli tal-ħajja, għandna Gvern li għalih qisu xejn m’hu xejn, għalhekk il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq għal azzjoni u soluzzjoni.