Lokali Qorti

Preżentat mandat ta’ inibizzjoni minn 17-il entità b’rabta mal-liġi tal-vaċċin

Sbatax-il stabbiliment u individwi li se jiġu affettwati direttament mir-regoli l-ġodda dwar il-vaċċini li se jidħlu fis-seħħ għada ressqu mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti kontra l-miżuri l-ġodda.

Dalgħodu ġie ppreżentat dan il-mandat ta’ inibizzjoni, bl-atturi jsemmu diversi klawsoli fil-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-diskriminazzjoni, id-dritt għax-xogħol, il-qliegħ tal-għajxien, u d-dritt għall-ħajja tal-familja.

F’kummenti ma’ Net News ġie spjegat li l-mandat tressaq sabiex l-awtoritajiet, il-Ministeru tas-Saħħa u s-Supridendent tas-Saħħa Charmaine Gauci ma jħallux il-liġi tidħol fis-seħħ. Ir-raġuni li ngħatat ta’ għaliex tressaq dan il-mandat huwa għax skont huma dawn ir-regolamenti qed joħolqu diskriminazzjoni mhux biss fil-konfront tal-klijent, imma għall-ħaddiema.

Ix-xenarju ġie spejgat li hemm min ma jridx jieħdu l-vaċċin, hemm oħrajn li ma jridux jieħdu l-booster filwaqt li hemm persuni li l-appuntament tal-booster imur lil hinn mid-data tas-17 ta’ Jannar, jew li ċ-ċertifikat mhux se jinħareġ sa din it-tali data.

Ħames avukati – Arthur Azzopardi, Keith Borg, Edric Micallef Figallo, Clive Gerada u Franco Debono – qed jirrappreżentaw lis-17-il stabbiliment u individwu.

Il-maġistrat Miriam Hayman se tippresjedi l-kawża, bl-ewwel seduta hija skedata għat-28 ta’ Jannar.