Internazzjonali

Stati Uniti: Jinħelsu qawwijin u sħaħ wara drama tal-ostaġġi f’Texas

Raġel f’Texas tilef ħajtu, ftit wara li hu kien daħal f’sinagoga u ħataf erba’ persuni bħala ostaġġ. L-inċident seħħ f’Colleyville, subborg ta’ dan l-Istat Amerikan, bir-rapporti, wara, jgħidu li l-aggressur kellu ċittadinanza Britannika.

L-iskwadri speċjali tal-pulizija wieġbu minnufih għad-drama li kien qed iseħħ fis-sinagoga tal-Congregation Beth Israel. Ingħad li aġenti tal-FBI kienu damu  ħafna jinnegozjaw mal-aggressur waqt l-inċident li dam għal għaxar sigħat u li konkluda b’sensiela ta’ sparar u splużjonijiet.

Filwaqt li l-ostaġġi ma ġralhom xejn, kienu pjuttost konfużi d-dettalji dwar ‘il-mewta tal-aggressur’. Intant, il-Foreign Office tar-Renju Unit qal li kien konxju dwar il-mewt ta’ raġel Britanniku f’Texas u meta dan l-Uffiċċju kien għaddej bil-kuntatti mal-awtoritajiet tal-Istat Amerikan.

Jidher li l-kap reliġjuż ( rabbi) tas-sinagoga kien fost l-ostaġġi, bir-rapporti jgħidu li wieħed mill-ostaġġi kien spiċċa meħlus waqt l-eqqel tad-drama — bil-pulizija, imbagħad, joħorġu lit-tlett ostaġġi l-oħra mis-sinagoga ladarba ħadu l-kontroll tas-sitwazzjoni.

Dan wara li l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, kien qed jingħata l-aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni li kienet qed tiżviluppa fis-sinagoga u l-madwar.