L-Ewropa tilfet mexxej, id-demokrazija tilfet simbolu u aħna lkoll tilfna ħabib. Bniedem li qatt ma beża’ mill-isfidi u f’dawn is-sentejn u nofs mexxa l-Parlament b’dinjità.
Kliem il-President Interim u Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-ftuħ ta’ ċerimonja speċjali li matulha l-Parlament kollu ngħaqad waqt is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu biex isellem lill-President David Sassoli, li miet it-Tlieta li għadda.
Roberta Metsola qalet li Sassoli kien bniedem b’viżjoni kbira u konvint mill-valuri tiegħu, kemm bħala bniedem u anke bħala politiku. Kien kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa meta d-dinja kollha – mhux b’anqas il-pajjiżi Ewropej – kienu u għadhom qed jiffaċċjaw sfidi kbar.
Spjegat kif David Sassoli dejjem ra li l-Parlament jibqa’ attiv, partikolarment matul ix-xhur l-aktar kritiċi tal-pandemija. Kien ukoll solidali ma’ min hu l-aktar fraġli, partikolarment għan-nisa vittmi tal-vjolenza.
Roberta Metsola qalet li David Sassoli baqa’ jiġġieled b’kuraġġ sal-aħħar, fosthom fil-ġlieda kontra l-faqar, l-inġustizzji u l-iżolament, kif ukoll b’risq il-batut. Apprezzat b’rispett għall-mod skjett li dejjem ħadem bih biex ikompli jiddefendi l-valuri Ewropej.
Filwaqt li sellmet lill-qraba diretti tiegħu, hi qalet li qabel President, David kien missier u raġel tal-familja.
Il-President Interim tal-Parlament Ewropew kompliet li David Sassoli dejjem wettaq il-missjoni tiegħu bi tbissima u min kien jafu kien ħabib jew ħabib kbir tiegħu għax ma kien jobgħod lil ħadd.
Sa minn meta kien ġurnalist, hu dejjem ħadem biex isib il-verità u bħala President tal-Parlament Ewropew dejjem kellu għal qalbu d-dinjità, id-drittijiet u l-libertà ta’ kulħadd.
Matul iċ-ċerimonja, kien hemm diversi messaġġi oħrajn, fosthom mill-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta, li kien ukoll ħabib personali ta’ Sassoli, kif ukoll mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Tkellmu wkoll il-President Franċiż Emanuel Macron – li pajjiżu bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – kif ukoll il-mexxejja tal-gruppi politiċi – fosthom iċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew Manfred Weber.
Sadanittant għaċ-ċerimonja – li inkludiet ukoll siltiet mużikali, kif ukoll il-filmat ta’ tislima, bit-tema “David Maria Sassoli, Presidente del Parlamento Europeo” – attendew bosta mexxejja internazzjonali, kif ukoll mart David, Alessandra, u uliedhom Giulio u Livia.
//= $special ?>