Lokali

Abela jikser il-Liġi li impona hu stess: Bla maskra fost ċorma nies barra ristorant f’Tas-Sliema

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela kiser il-Liġi li daħħal u qed jimponi fuq il-poplu hu stess meta lbieraħ kien bla maskra waqt li kien fost ċorma nies barra ristorant fix-Xatt ta’ Tas-Sliema.

Filmat imxandar minn timesofmalta.com juri lill-Prim Ministru sejjer minn zona għall-oħra tar-ristorant mingħajr maskra, minkejja li l-ilbies ta’ maskra jew visor kien u għadu obbligatorju fuq barra u fuq ġewwa. Min jinqabad jikser il-Liġi jista’ jeħel multa sa €100.

Il-Liġi teżenta persuna f’ristorant milli jinża l-maskra waqt li jkun bilqegħda madwar mejda, iżda jkollu jilbisha mqar biex imur sat-toilet. Xi ħaġa li Abela m’għamilx, minkejja li waqaf ukoll għal xi ħin jitkellem ma’ klijenti oħrajn.

Mistoqsi dwar dan, Uffiċjal f’Kastilja wieġeb lil timesofmalta.com li Abela jiskuża ruħu għal dak li ġara għax qal li għamel dan bi żvista meta mar it-toilet. Dan minkejja li kienu diversi s-sitwazzjonijiet fl-aħħar xhur li Abela jew il-Partit Laburista stess ippubblikaw ritratti tiegħu mingħajr maskra.

Fost dawn, f’waħda miċ-ċirkostanzi meta grupp ta’ gradwati marru jiċċelebraw fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Mil-lum, il-maskri mhux obbligatorji li jkunu milbusin minn min ikun ivvaċċinat bil-booster, ladarba ma jkunux ma’ aktar minn persuna oħra li wkoll tkun ivvaċċinata bil-booster.

(Ritratt: timesofmalta.com)