Lokali Qorti

Aktar minn erba’ snin mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Konrad Mizzi u Lindsey Gambin ikomplu jippersistu bil-libell kontriha

Il-kawżi ta’ libell imressqa kontra Daphne Caruana Galizia minn Konrad Mizzi u Lindsey Gambin mistennija jkomplu f’Marzu, wara li l-partijiet naqsu milli jiftiehmu fuq soluzzjoni barra l-qorti. Il-libelli tal-2014, li kienu tressqu mill-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u Lindsey Gambin, li kienet assistena tal-kommunikazzjoni fil-Ministeru tiegħu dak iż-żmien

Huma kien fittxew lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, liema proċeduri għadhom għaddejjin, minkejja li għaddew erba’ snin u tliet xhur minn mindu nqatlet. Mizzi u Gambin kienu ħarrku lill-ġurnalista għal libell fuq artiklu li kienet ippubblikat fuq il-blog tagħha f’Novembru tal-2014, fejn allegat li Mizzi, Ministru tal-kabinett dak iż-żmien, kien qed ikollu relazzjoni barra ż-żwieġ ma’ l-istess Gambin, fejn sostniet li din kienet ir-raġuni li għaliha “martu telqet lejn iċ-Ċina”.

Meta ssejjaħ il-każ quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq, l-avukat ta’ Mizzi, Edward Gatt, informa lill-Qorti li l-partijiet ma rnexxilhomx jaslu għal ftehim barra l-qorti. Il-Qorti, filwaqt li nnutat li l-ftehim antiċipat ma kienx intlaħaq, iddifferiet il-kawża għall-14 ta’ Marzu, li matulha għandha tinstema’ x-xhieda tal-konvenuta. Għall-familja Caruana Galizia qed jidher l-avukat Joe Zammit Maempel.