Futbol Sport

Brentford joffru kuntratt ta’ sitt xhur lil Christian Eriksen

It-tim tal-Premier League Brentford offrew kuntratt ta’ sitt xhur lill-midfielder Daniż Christian Eriksen, li s-sajf li għadda, sofra attakk tal-qalb waqt partita mill-Euro 2020 kontra l-Finlandja. Eriksen kellu jinħall mill-kuntratt tiegħu ma’ Inter hekk kif fl-Italja, players li jkollhom defibrillator m’humiex permessi jilagħbu fl-ebda kampjonat.

Aktar kmieni dan ix-xahar Eriksen stqarr li għandu l-ambizzjoni li jilgħab fit-Tazza tad-Dinja tal-Qatar fl-aħħar ta’ din is-sena, fejn qal ukoll li tkun ħolma li ssir realta’ jekk jirnexxielu jirritorna fil-Premier League fl-Ingilterra. Il-midfielder ta’ 29 sena qatta’ seba’ snin ma’ Tottenham bejn l-2013 u l-2020 fejn lagħab aktar minn 300 partita.

Wara li nħall mill-kuntratt ma’ Inter, Eriksen beda jitħarreġ mal-club Daniż ta’ Odense, club li kien miegħu bejn l-2005 u l-2008. Minbarra Brentford, hemm diversi clubs oħra li huma nteressati fi Christian Eriksen, b’Antonio Conte jistqarr li l-“bieb hu dejjem miftuħ” biex Eriksen jirritorna ma’ Tottenham.