Internazzjonali

Covid-19: Iż-żmien tal-iżolament għan-nies infettati bil-Covid fl-Ingilterra jonqos għal ħamest ijiem biss

L-awtoritajiet mediċi fl-Ingilterra kkonfermaw li l-perjodu ta’ iżolament għal kulmin jittestja pożittiv għall-Covid-19 ( fil-pajjiż) issa naqas għal ħamest ijiem sħaħ minn sebgħa.

Il-perjodu ta’ kwarantina naqas wara reviżjoni bir-reqqa tal-aspett mediku involut u fost l-impenn biex ma jibqgħux jonqsu l-ħaddiema fid-diversi setturi tax-xogħol li huma obbligati li jagħmlu żmien f’iżolament.

Madankollu, il-persuni li jimirdu bil-Covid iridu jipproduċu l-provi li huma negattivi fil-ħames jew is-sitt jum tal-iżolament impost fuqhom.

L-aħħar rapporti mill-Ingilterra qalu wkoll li l-adolexxenti bejn is-16 u s-17-il sena minn issa jistgħu jibbukkjaw it-tilqima booster jew jidħlu f’ċentru għat-tilqim kontra l-Covid. Dan meta ħarġu l-ittri ta’ konferma inizjali lill-40,000 adolexxenti Britanniċi li ngħataw tieni doża tal-vaċċin, talanqas tliet xhur ilu.

Madwar 500 tfal bejn it-12 u l-15-il sena li jaqgħu fil-kategorija ta’ klinikament vulnerabbli ukoll se jkunu jistgħu jingħataw it-tilqima booster.

Il-perjodu ta’ iżolament għall-persuni morda bil-Covid fl-Ingilterra, ix-xahar li għadda, kien tnaqqas minn għaxra għal sebat ijiem – bil-persuni inkwistjoni jkunu suġġetti għat-testijiet li jindikaw il-Covid fis-sitta jew is-seba’ jum ta’ kwarantina.

Issa, il-bidla fir-regoli tirrikjedi li r-residenti fl-Ingilterra jgħaddu minn rapid test fil-ħames jum ta’ iżolament. Jekk it-test joħroġ negattiv huma jistgħu jieħdu test ieħor, 24 siegħa wara, fis-sitt jum u f’każ li r-riżultat jerġa’ ikun negattiv ( u ma jkunx hemm ħjiel ta’ deni) huma jistgħu joħorġu mid-dar minnufih,

Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Sajid Javid, qal li t-tnaqqis fil-prejodu ta’ iżolament għall-infettati ‘għandu jiggarantixxi livell ta’ libertà ogħla, minbarra li jgħin lill-ekonomija’. Il-miżura anki mistennija tnaqqas il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi essenzjali fl-Ingilterra matul ix-xhur tax-xitwa.

Sadanittant, id-data mressqa mill-UK Health Security Agency (UKHSA) uriet li maż-żewġ terzi tal-każi pożittivi tal-Covid qed jitilfu l-potenzjal li jinfettaw lil ħaddieħor sal-ħames jum tal-infezzjoni.

Fi żviluppi oħra, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-programm appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti għat-tqassim tal-vaċċini kontra l-Covid lill-pajjiżi foqra u sotto-żviluppati s’issa pprovda mal-biljun doża.

Madankollu, fadal ħafna xogħol xi jsir biex it-tqassim tal-vaċċini jaslu lill-aktar persuni vulnerabbli madwar id-dinja filwaqt li jitmexxa b’mod aktar ekwilibrat. Dan wara li l-aktar pajjiżi sinjuri, fl-aħħar xhur, żammew il-ħażniet żejda tal-vaċċin meta l-pajjiżi l-foqra setgħu jlaqqmu biss proporzjon żgħir tal-poplu.

Il-WHO ilha tikkritika l-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tal-vaċċini madwar id-dinja u sejħet biex il-manifatturi tal-vaċċini kontra l-Covid jagħtu priorità lill-programm COVAX li jaħseb fil-ħteġiet tal-pajjiżi foqra waqt il-pandemija.

Skont l-aħħar ċifri tal-WHO, madwar 36 fost il-194 Stati membri tal-Organizzazzjoni laħqu laqqmu lil anqas minn għaxra fil-mija tal-popli rispettivi — bi 88 Stat jivvaċċinaw lil anqas minn 40 fil-mija taċ-ċittadini.