Futbol Sport

Floriana jiddominaw kontra r-rivali Valletta

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Matthias Mizzi

Valletta ………………………..0

Floriana ……………………..2

Valletta: A. Guarnone, J. Borg, R. Camilleri, T. Caruana (62’ R. Muscat), S. Dimech, M. Sansone, E. Pena Beltre, E. Sala (22’ I. Curjuric), C. Prado (85’ D. Promise), M. Fontanella, L. Campos (62’ H. Dilaver)

Floriana: G. Kitanov, Q. El Hasni, Z. Cassar, K. Keqi (55’ E. Rebenja), J. Arias (77’ B. Sciberras), A. Ciolacu, B. Paiber (M. Micallef), E. Callegari, J. Busuttil (55’ D. Agius), A. Garzia, R. Camenzuli

Imwissija: 45’ A. Ciolacu, 57’ R. Camenzuli, 80’ Z. Cassar

Skorjaw: 24’ A.Ciolacu, 64’ E. Rebenja

Referee: Trustin Farrugia

Assistenti Referees:  Luke Portelli & Duncan Sultana

Raba’ Uffiċjal: Stefan Pace

BOV Plejer tal-Logħba: A. Ciolacu (Floriana)

Wara waqfa ta’ kważi xahar il-Kampjonat BOV Premier League rritorna bil-partitissima bejn ir-rivali Valletta u Floriana. Waqt li fl-aħħar konfront bejniethom f’Settembru li għadda Floriana rebħu bl-iskor ta’ 3-0, din id-darba l-greens reġgħu ddominaw u komplew jissieltu ma’ ta’ fuq.

L-ewwel taqsima ssoktat b’ritmu mgħaġġel ta’ logħob, b’Valletta kienu sforzati jagħmlu sostituzzjoni kmieni fil-partita. Mal-24 minuta logħob Floriana fetħu l-iskor wara li Jan Busuttil approfitta minn żball f’nofs il-ground, avvanza u tefa’ lil Andrea Ciolacu f’pożizzjoni tajba li minnha ma falliex. Minuta wara u Valletta rrispondew b’tentattiv mill-bogħod ta’ Triston Caruana bil-konklużjoni għaddiet viċin il-lasti ta’ Kitanov. Mumenti qabel tmiem din it-taqsima ż-żewġ timijiet kellhom żewġ azzjonijiet perikolużi minn Caio Prado u Brandon Paiber rispettivament iżda dawn ma sarrfu fl-ebda gowl.

It-tieni taqsima kompliet bl-istess ritmu ta’ logħob biex fil-55 minuta Caruana venven xutt b’saħħtu fil-baxx li madankollu għadda jħakkek mal-wieqfa. Mas-siegħa logħob Floriana ma approfittawx tajjeb minn kontrattakk iżda żewġ minuti biss wara s-sostitut Eugeniu Rebenja żmarka tajjeb lid-difiża u b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Guarnone. Għaxar minuti minn tmiem il-partita Zachary Cassar ikkommetta tackle kerha barra ‘l kaxxa minn liema freekick Valletta ma kienux perikolużi. Fl-aħħar mumenti tal-partita Valletta rsistew b’tama li jnaqqsu l-marġni tal-iskor iżda d-difiża Furjaniżi għarfet tkun kompata.