Futbol Sport

Gowl fit-tieni taqsima ta’ Joseph Mbong jagħti r-raba’ rebħa konsekuttiva lil Ħamrun Spartans

Ritratt: (Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S……….2

MOSTA……………….1

Ħamrun S: H. Bonello, D. Gojkovic, M. Guillaumier, J. Mbong, F. Sasere, L. Gambin, K. Micallef, I. Ntow (A. Oyama 78’), C. Dielna, E. Marcelina, F. El Bakhtaoui

Mosta: C. Mafoumbi, R. Briffa, W. Donklin (J. Nsumoh 46’), C. Failla, J. Bezzina (M. Mifsud 70’), R. Da Silva, L. Riascos, R. Morisco, Z. Brincat (D. Bonnici 67’), S. Akinbule, R. Ekani (R. Ekani 75’)

Imwissija: K. Micallef 38’, D. Gojkovic 47’ (Ħ) L. Riascos 65’ (M)

Skorjaw: C. Dielna 34’, J. Mbong 50’ (Ħ), C. Failla 40’ pen (M)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Edward Spiteri u Shaun Calleja

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Luke Gambin (Ħamrun Spartans)

BOV Plejer tal-logħba: Faissal El Bakhtaoui (Ħamrun Spartans)

F’wieħed miż-żewġ konfronti tat-Tnejn filgħaxija, Ħamrun Spartans kellhom itejbu l-logħob tagħhom fit-tieni taqsima biex setgħu jieħdu tliet punti f’rebħa ta’ 2-1 fuq Mosta. Kienu gowls minn Claude Dielna u Joseph Mbong li taw rebħa importanti lil Ħamrun li żammithom fit-tielet post, żewġ punti taħt Floriana iżda b’logħba inqas. Fuq il-bank tas-sostituti l-Ispartans kellhom lil wieħed mill-akkwisti l-ġodda tagħhom Steve Borg, filwaqt li għal Mosta ddebutta mill-ewwel minuta d-difensur Portugiż Raul Fernandes da Silva.

Wara ħames minuti Ħamrun mill-ewwel fuq l-offensiva meta kien Isaac Ntow li avvanza u minn tarf il-kaxxa tefa’ barra. Fid-19-il minuta Mosta għoddhom ħasdu lil Ħamrun meta l-kross ta’ Failla sab lil Akinbule li prova mill-ewwel iżda sab lil Bonello attent li tajjar b’siequ. Fl-24 minuta Guillaumier prova minn tarf il-kaxxa iżda Mafoumbi ħataf tajjeb. Man nofs siegħa logħob Gambin u El Bakhtaoui biddlu l-ballun tajjeb ħafna, bil-Marokkin jiġi f’qagħda tajba iżda l-konklużżjoni tiegħu għaddiet barra. Fl-34 minuta iċ-champions lokali marru fil-vantaġġ. Kien Gambin li nkariga minn free-kick mix-xellug, tefa kross fil-kaxxa li sab lil CLAUDE DIELNA li ogħla tajjeb fuq kulħadd u bir-ras qabbeż minn fuq Christoffer Mafoumbi għal 1-0. Erba’ minuti biss wara Mosta ingħataw penalty meta Karl Micallef deher iwaqqa’ fil-kaxxa lil Zachary Brincat u Fyodor Zammit mill-ewwel saffar għal penalty. Mill-11-il metru kien CLAYTON FAILLA li ma’ żbaljax biex għamel l-iskor indaqs. Fil-45 minuta reġa kien Claude Dielna li mar viċin meta sab lil Mafoumbi barra minn post u prova jqabbiżulu minn tarf il-kaxxa, iżda d-difiża ta’ Mosta tajjret minn fuq il-linja.

Fit-tieni taqsima Ħamrun dehru mill-ewwel aggressivi fl-attakk tant li fil-50 minuta marru għat-tieni darba fil-vantaġġ. L-ewwel kien El Bakhtaoui li prova minn tarf il-kaxxa bil-goalkeeper Mosti jilqa’ parzjalment u l-ballun ġie fuq ras JOSEPH MBONG li b’lasta prattikament vojta ma’ żbaljax. Fil-61 minuta Faissal El Bakhtaoui tilef ċans tad-deheb meta minn azzjoni personali daħal fil-kaxxa u minn taħt il-lasta tefa għoli. Minuta wara Zachary Brincat għal Mosta ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Bonello iżda l-goalkeeper Internazzjonali Malti laqa tajjeb qabel ma’ d-difiża begħdet kull periklu. Fil-71 minuta kien Mbong li qassam tajjeb lil El Bakhtaoui li daħal fil-kaxxa iżda ra x-xutt tiegħu milqugħ b’diffikultà minn Mafoumbi. Ħamrun għarfu jikkontrollaw il-logħba u żammew il-vantaġġ sat-tisfira finali biex b’hekk kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva.