Lokali

“Ħadulna l-liberta’ li ngħixu ħajja normali”

Hekk kif illum ġew introdotti miżuri godda b’rabta mal-pandemija, diversi persuni inġabru biswit Bieb il-Bombi fil-Furjana fejn minn hemm imxew f’dimostrazzjoni lejn il-Parlament fil-Belt Valletta.

Huma protestaw kontra l-mod li bih il-Gvern tal-Labour qed jimxi fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija, bl-obbligu li trid bilfors turi l-vaċċin. Huma insistew li l-Gvern qed iġagħlhom jeżistu… u mhux jgħixu ħajja normali.

Diversi persuni insistew li jridu garanzija li t-tilqima m’għandha l-ebda riskji għal saħħithom jew għal saħħet uliedhom, hekk kif sostnew li uħud minnhom ġarbu xi sintomi wara t-teħid ta l-ewwel żewġ dożi tal-vaċċin. Għaldaqstant appellaw lill-Gvern sabiex verament iħares il-libertà tal-individwu u jħallilhom għażla, mingħajr l-id tal-azzar dittatorjali.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista sostna li hemm bżonn nirrispettaw il-pariri tal-esperti mediċi u nkomplu nitlaqqmu għal kontra l-Covid-19, fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern sabiex jirtira dawn il-miżuri li prattikament jagħmlu l-booster obbligatorju.

Tags