Lokali

Il-Bank MeDirect iniedi mobile app ġdida b’faċilitajiet ta’ investiment

Il-Bank MeDirect Malta għadu kif nieda l-faċilità li tinvesti mill-mobile app. Permezz ta’ din il-funzjoni ġdida wieħed jista’ jinvesti xħin irid minn fejn irid. Din l-app se tagħti aċċess lill-klijenti tal-Bank il-kontroll kollu minn post wieħed. Bis-saħħa ta’ din l-app wieħed jista’ jieħu ħsieb il-finanzi, it-tfaddil u l-investimenti kollha minn fuq pjattaforma
waħda.

Bl-introduzzjoni tal-investimenti fuq il-mobile app, MeDirect Malta issa qed joffri pjattaforma bankarja kompleta u komprensiva. Il-klijenti issa jistgħu jagħżlu minn firxa wiesgħa ta’ ’l fuq minn 4,000 investiment li jinkludu ishma fi 17-il stock exchange internazzjonali, diversi ETFs u mutual funds immaniġġjati minn fund houses ewlenin u internazzjonali, flimkien ma’ għażla ta’ bonds lokali u oħrajn internazzjonali.

Il-pjattaforma ta’ investimenti ta’ MeDirect toffri esperjenza faċli u intwittiva, grazzi għal interface li kien iddisinjat skont il-ħtiġijiet tal-klijent. Din l-esperjenza hija disponibbli għall-klijent kemm fuq l-app u anke fuq il-pjattaforma online.

L-app tħalli lill-klijenti ta’ MeDirect jinvestu b’kunfidenza u affidabilità, waqt li jiġu appoġġjati minn esperti tal-Wealth Management u professjonisti tal-WealthTech ta’ MeDirect. Il-Bank kompla jiżviluppa l-app in-house biex jiżgura l-ogħla livell ta’ sigurtà għall- klijenti tiegħu grazzi għal tekonoloġiji biometriċi bħal m’huma t-Touch ID jew il-Face ID.

Il-klijenti ta’ MeDirect jistgħu jkomplu jibbenefikaw minn tariffi kompetittivi, sempliċi u trasparenti meta jinvestu kemm fuq l-app tal-mobile u anke fuq il-pjattaforma online. Investimenti fuq ishma u ETFs li huma disponibbli fuq il-pjattaforma juru real-time pricing għall-klijenti kollha, u dan mingħajr ebda ħlasijiet addizzjonali.

Chris Portelli, Chief Technology Officer tal-grupp bankarju qal: “MeDirect jaħdem biex joffri soluzzjonijiet bankarji diġitali affidabbli u faċli, biex il-klijenti jista’ jkollhom servizzi personalizzati l-ħin kollu minn madwar id-dinja kollha. Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr investimenti kontinwi fit-teknoloġija u l-aħjar impjegati fis-settur. Dawn huma l-pilastri ewlenin li jqiegħdu lil MeDirect bħala l-ewwel bank diġitali f’Malta.”