Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ jirreżisti li jiddiskuti t-12-il abbozz imressqa mill-PN

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista talbet ruling mill-Ispeaker biex kemm jista’ jkun malajr il-Parlament jiddiskuti t-12-il abbozz li ressaq ġimgħa u nofs ilu l-Kap tal-PN Bernard Grech. Dan hekk kif il-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh u jirreżisti li jiddiskuti dawn l-abbozzi importanti.

Il-whip tal-Gvern, Glenn Bedingfield, qed jgħid li dan l-abbozz hu money bill. Il-PN qed jinsisti li dan mhux il-każ, u għalkemm intalab ruling mill-Ispeaker Anglu Farrugia. Ir-ruling intalab mill-Viċi Kap tal-PN David Agius.

Ilbieraħ, il-Kap tal-PN saħaq li huwa “evidenti li dan l-abbozz kellu reazzjoni pożittiva minn kulħadd ħlief mill-Prim Ministru Robert Abela. Dan l-abbozz – li jiġbor 12-il abbozz separat – huwa serju, u riżultat ta’ inkjesta minn tliet imħallfin li fiha ħarġu rakomandazzjonijiet ta’ kif nistghu nagħmlu l-pajjiż aħjar.”

Bernard Grech kien qed iwieġeb l-għada tad-dikjarazzjoni stramba li għamel il-Prim Ministru “li kellu l-wiċċ jgħid li dan l-abbozz huwa gimmick ta’ qabel l-elezzjoni.” Il-Kap tal-PN saħaq li b’dak id-diskors, Robert Abela kkonferma li kull ma jagħmel huwa għall-elezzjoni u minn naħar l-oħra kkonferma li dak li jagħmel il-PN huwa biss għall-ġid tal-poplu.