Li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta 12-il Abbozz ta’ Liġi biex jiġġieled il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter hi mossa tajba, pożittiva u interessanti.
Hekk kiteb fil-gazzetta MaltaToday il-Perit Michael Falzon, li qal li dawn juru l-bidla li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista minn partit li jilmenta għal partit li jipproponi liġijiet biex ma jerġgħux iseħħu l-abbużi li rajna fl-aħħar snin.
Hu faħħar l-impenn li dawn l-Abbozzi se jsegwu r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu fl-Inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għax qal li dawn spiċċaw jaqilgħu t-trab fuq l-ixkafef ta’ Kastilja.
Falzon, bħala Opinjonista li jikteb regolarment fil-gazzetti, spjega li l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista mhux faċli tinjorahom. Anzi, hu appella lil Abela biex ma jirredikolahomx, iżda jammetti li m’għandhomx jintremew.
L-appell tal-Perit Falzon wasal ftit sigħat wara li Robert Abela – matul attività politika fil-Belt – ta x’jifhem li mhux se jagħti każ dawn il-proposti, tant li sejħilhom gimmick, minkejja li jagħmlu x-xogħol li hu stess kien wiegħed li se jagħmel ftit wara li rebaħ il-ġlieda għal-Leadership.
Min-naħa tiegħu, l-opinjonista faħħar ukoll il-fatt li kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li, bil-pressjoni li għamel, wassal biex il-Gvern ħatar kumitat responsabbli mill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta … xi ħaġa li qal li aktarx, kienet titħalla fuq l-ixkaffa sa wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja.
Il-Perit Falzon qal li bil-proposti tal-Partit Nazzjonalista, ħafna abbużi li saru taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat issa jsiru illegali. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jrid futur mingħajr abbużi u fejn il-korruzzjoni tkun anqas probabbli li sseħħ.
Dan anke bi tweġiba għal min beħsiebu jivvota lil-Labour bl-iskuża li l-korruzzjoni tiġri dejjem, irrilevanti minn ikun fil-Gvern … f’mossa li toħloq stampa aktar pożittiva tal-Partit Nazzjonalista f’moħħ kull Malti u Għawdxi.
//= $special ?>